Hu pożittiv li Malta għandha l-inqas emissjonijiet mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Tkellmet dwar dan il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, f’kumment ma’ ONE News, waqt li wkoll kienet qed takkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela f’Dubai, għas-summit internazzjonali tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima, il-COP28.
“Il-fatt li bħala pajjiż nipproduċu l-inqas emissjonijiet għal kull persuna li taħdem, li qegħda fid-dinja tax-xogħol, hu ovvjament riżultat pożittiv. Però ma jfissirx li hu biżżejjed jew bħala pajjiż ngħidu li m’għandniex bżonn nagħmlu aktar.”
Il-Ministru Dalli tenniet li minkejja li Malta hi pajjiż żgħir xorta waħda hu importanti li tnaqqas t-tniġġis.
“Qegħdin fil-ġimgħa tal-COP28 u kull wieħed u waħda minna għandu jagħti l-kontribut tiegħu u bħala pajjiż, il-policies li qed inħarsu lejnhom huma wkoll policies li jwasslu għal tnaqqis fl-emmissjonijiet f’setturi differenti, għax finalment l-għan aħħari tagħna hu li jkollna ekonomija li ma tniġġisx sas-sena 2050.”
Fid-diskors tiegħu quddiem il-mexxejja dinjija, il-Prim Ministru Robert Abela għamel appell importanti biex jingħaqdu flimkien ħalli jiffaċċjaw it-theddida li qed tikkawża l-isfidi tat-tibdil fil-klima.
Matul il-COP28, f’Dubai, Malta ġiet irrikonoxxuta bħala Climate Mobility Champion Leader għax-xogħol li qed jagħmel pajjiżna fil-qasam tat-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq gżejjer żgħar.