Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia żar il-Faċilità ta’ Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul, fejn għaddejjin għadd ta’ proġetti li qed jippreparaw lill-pajjiżna għall-ħtiġijiet tal-anzjani għaż-żmien li ġej.
Huwa ltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Dr Josianne Cutajar, fejn hija tat rendikont tal-kullana ta’ proġetti li jinsabu għaddejjin. Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru żar id-diversi proġetti li qed jinbnew, li meta jkunu lesti, se jkunu mgħammra b’apparat tal-aħħar teknoloġija, filwaqt li binjiet oriġinali, fosthom il-kappella tal-Faċilità, qed isirilhom xogħol ta’ restawr u konservazzjoni biex jiġi ppreservat l-istat oriġinali tagħhom bl-aħjar mod.
Proġett interessanti li żar il-Ministru huwa dak tal-Faċilità Narċis, li se tkun ċentru ta’ kura fit-tul għal persuni iżgħar fl-età li jkollhom bżonn kura fit-tul u li sfortunatament, minħabba diversi raġunijiet, għadhom sal-lum jirċievu kura fl-istess faċilità mal-anzjani. Dr Cutajar spjegat li dan iċ-ċentru se jipprovdi livell ta’ kwalità għal dawn in-nies u s-servizzi offruti se jkomplu jassiguraw l-istess livell ta’ kura.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol massiċċ li qed isir f’dawn il-proġetti li, permezz tagħhom, se nkomplu ngħollu l-livell ta’ kwalità ta’ ħajja tal-anzjani. Huwa tkellem mal-Kap Eżekuttiv biex jitlestew id-dokumenti għal proġett ġdid ta’ ‘impaging department’ diġitali sabiex jogħlew il-livelli investigattivi fil-Faċilità.
Huwa fakkar li, f’dan il-qasam, in-nefqa li għamel il-Gvern din is-sena kienet ta’ €165 miljun, u li s-sena d-dieħla se jsir investiment rekord ta’ €199 miljun, li €45 miljun minnhom se jiġu allokati għal xiri ta’ sodod fi djar residenzjali fil-privat.
Huwa temm jgħid li dan qed isir bħala parti mill-istrateġija li tindirizza kompletament ir-realtà ta’ popolazzjoni iktar anzjana, realtà li kull ma tmur qed iżżid id-domanda għal servizzi residenzjali.
Ritratti: MSCA