Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia żar numru ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom fl-Enemalta u fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Il-Ministru Farrugia fi stqarrija qal li minkejja s-sitwazzjoni li ninsabu fiha, fejn ħafna minnha qed nintalbu biex nibqgħu d-dar, dawn qed jaħdmu biex is-servizzi essenzjali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tal-provvista tal-ilma jibqgħu jaslu fid-djar tal-familji Maltin u Għawdxin kif ukoll fl-isptarijiet, fid-djar tal-anzjani u f’postijiet oħra.
Il-Ministru Michael Farrugia sellem lil dawn il-ħaddiema u lill-familji tagħhom u qal li dawn, flimkien mal-ħaddiema fl-isptarijiet, il-pulizija, il-ħaddiema tal-Forzi Armati, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili u dawk kollha li qed jaħdmu f’din il-ġlieda kontra l-Coronavirus, huma ħaddiema li qed jagħmlu servizz utli ħafna lejn pajjiżna.
“Hu obbligu tiegħi li niġi u nsellmilkom illum b’mod speċjali iżjed minn ġranet oħra. Qawwu qalbkom biex ma ndumux ma naraw ġranet aħjar minn dawn,” qal il-ministru, filwaqt li ħeġġeġ lill-ħaddiema biex kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll barra, isegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.