Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ċaħad allegazzjonijiet li saru fi storja fl-ewwel paġna tal-gazzett Il-Mument bit-titlu ‘Michael Farrugia jaqla’ ċamata minn Kastilja’.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern qal li l-artiklu huwa bbażat fuq storja vvintata f’mumenti meta l-Pulizija qed ikollha diversi suċċessi fil-ġlieda kontra l-kriminalità, tnaqqis ta’ kriminalità f’pajjiżna, u f’lejliet l-iffirmar ta’ ftehim storiku għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Il-Ministeru, kif għamel diġà, reġa’ ċaħad qlajjiet fuq il-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Ministeru żied jgħid li huwa ċar li din l-istorja hija waħda vvintata mill-bidu sal-aħħar, u hija waħda minn sensiela twila ta’ stejjer ivvintati u mmirati biss biex jimminaw il-Gvern.
Il-Ministeru ċaħad ukoll kull referenza li Kastilja tkellmet mal-Ministru dakinhar li kien fi triqu lejn il-Lussemburgu, fejn kien kelliem ewlieni fuq panel waqt konferenza kontra r-radikalizzazzjoni, u l-għada attenda għall-Kunsill tal-Ministri għall-Intern.