Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia pparteċipa fil-Forum Ewropew għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri f’Ruma, l-Italja bejn il-21 u t-23 ta’ Novembru.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Farrugia qal li s-solidarjetà bejn il-pajjiżi f’każijiet ta’ diżastri ta’ ċertu kobor hi ta’ importanza kbira, hekk kif ġara fost l-oħrajn fin-nirien fil-Ġreċja u fl-Iżvezja f’Lulju li għadda.
“Hu ta’ importanza li l-esperjenza ta’ kull inċident u kif ħadmu l-prevenzjonijiet u l-azzjonijiet li ttieħdu setgħu kienu ta’ suċċess jew ta’ falliment, b’hekk hu importanti li jiġu maqsuma ma’ entitajiet u ma’ pajjiżi oħrajn għax minnhom wieħed jitgħallem ħafna”.
Il-Ministru semma li terremoti, tsunami, maltempati kbar bħala diżastri naturali, it-tibdil fil-klima, mard tropikali li qed jersaq aktar lejna u cyber attacks jaffetwaw l-infrastruttura kritika u jistgħu jwasslu għal disturb gravi fl-ekonomija u joħolqu periklu għall-ħajja.
Il-Ministru Michael Farrugia tkellem dwar il-bżonn ta’ edukazzjoni, leġiżlazzjoni u infurzar kemm mis-settur governattiv kif ukoll dak privat. Importanti li s-setturi governattivi u privati jaħdmu flimkien biex jaraw kif jistgħu jipprevenu ħsarat kemm minn diżastri naturali u dawk li mhumiex.
Matul il-konferenza, il-Ministru Farrugia u d-delegazzjoni ltaqgħu ma’ diversi ministri u uffiċjali għoljin minn pajjiżi differenti. Saret laqgħa bilaterali mar-Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda għal Tnaqqis ta’ Riskju minn Diżastri Mizutori Mami. Waqt il-laqgħa, il-Ministru Michael Farrugia spjega l-inizjattivi kollha li qed jittieħdu mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bil-bini tal-istazzjonijiet li jirreżisti għaċ-ċaqliq siżmiku, inizjattivi f’każ ta’ tsunami u inizjattivi f’każ ta’ pandemija.
Il-Ministru Michael Farrugia żied li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili joffri taħriġ lil ħaddiema minn pajjiżi oħrajn, hekk kif ġara fl-aħħar xhur lil firemen mill-Ghana u mill-Palestina. Il-Ministru Farrugia tkellem dwar ix-xogħol li qed isir mill-Unit tal-Infrastruttura Kritika mil-lat ta’ prevenzjoni u inizjattivi ta’ azzjoni f’kull każ ta’ diżastri inklużi dawk ta’ diżastri naturali.
Il-Ministru Michael Farrugia ltaqa’ mal-Kap tal-Protezzjoni Ċivili Taljan Angelo Borrelli u ż-żewġ naħat tkellmu dwar kollaborazzjoni u biex jibdew taħditiet li jwasslu għal Memorandum of Understanding.
Ritratti (MHAS)