Waqt żjara ta’ ġurnata f’Malta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali Libjana, Najla El Mangoush, kellha laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, fil-Ministeru, il-Belt.
Il-Ministru Borg qal li Malta tħaddan valuri importanti fil-politika barranija tagħha, bħal dawk tal-kooperazzjoni, tal-ħbiberija, u tal-parteċipazzjoni attiva. Dawn il-valuri ġew innutati wkoll fil-vot b’saħħtu li Malta rnexxielha tikseb ftit tal-jiem ilu biex, mis-sena d-dieħla, tkun qed tifforma wkoll parti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Ministru Borg qal li ż-żjara tal-Ministru El Mangoush tixhed ir-relazzjoni b’saħħitha li għandha Malta mal-Libja, u esprima l-impenn ta’ pajjiżna biex din ir-rabta bilaterali tkompli tissaħħaħ f’kull qasam.
Matul il-laqgħa bilaterali ġew diskussi bosta suġġetti li huma ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi, primarjament il-kwistjonijiet relatati mal-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran. Ġew diskussi suġġetti importanti oħrajn, fost l-oħrajn l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin.
Waqt il-laqgħa uffiċjali ġiet diskussa wkoll il-qagħda preżenti fil-Libja u kif Malta tista’ tagħti l-kontribut tagħha għal-proċess ta’ stabbiltà f’dan il-pajjiż ġar tagħna. Il-Ministru Borg qal li Malta se tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha lil-Libja anke fuq bażi Ewropea u internazzjonali.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Libja irrimarkat li din il-laqgħa mal-kontraparti Malti tagħha kienet importanti għax tat lok biex iż-żewġ pajjiżi jkomplu jġeddu r-relazzjonijiet tajba u l-ħbiberija ta’ bejniethom. Saħqet ukoll fuq is-sinjifikat tad-data tal-laqgħa, il-11 ta’ Ġunju, għax kien proprju f’din id-data fis-sena 1965 li bdew ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Libja.
Intant, il-President ta’ Malta, George Vella, laqa’ lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Libja fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Huma ddiskutew il-qagħda fil-Libja.
Il-President fakkar fl-impenn kontinwu ta’ Malta biex il-Libja jsir pajjiż stabbli ħalli jibni ġejjieni demokratiku għall-poplu tiegħu. Qal li n-nuqqas ta’ stabbiltà politika ta’ bħalissa fil-Libja hija waħda ta’ tħassib mhux biss għall-poplu Libjan, iżda wkoll għar-reġjun b’mod usa’.
Il-President Vella ħeġġeġ lill-entitajiet u lill-partijiet konċernati kollha sabiex ifittxu d-djalogu madwar mejda u, permezz ta’ l-elezzjonijiet, isibu soluzzjoni dejjiema għall-kriżi li ilha għaddejja għal żmien twil. Fakkar li pajjiżna kemm-il darba talab lill-komunità internazzjonali biex iżżomm lill-Libja bħala prijorità, fost kwistjonijiet globali urġenti oħra.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Libjana ddeskriviet is-sitwazzjoni attwali f’pajjiżha bħala waħda staġnata u b’xenarju ppolarizzat ħafna. Hija rreferiet għall-pressjonijiet internazzjonali f’direzzjonijiet differenti, li m’huma qed iwasslu għall-ebda stabbiltà.
Il-Ministru El Mangoush iddikjarat li l-Gvern tagħha qed iżid l-isforzi tiegħu biex isib mod ta’ rikonċiljazzjoni u bidla lejn narrattiva aktar pożittiva, iżda żiedet tgħid li dawn għadhom qed jiġu mxekkla. Il-proliferazzjoni tal-forzi ta’ reżistenza għadha qed tagħmel is-sitwazzjoni waħda perikoluża u kumplessa ħafna. Il-Ministru Libjana ferħet lil pajjiżna talli ġie elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u żiedet tgħid li dan se jkun ta’ benefiċċju kbir biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-Mediterran.