Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħħar statistika mill-Eurostat li turi li Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis fl-emissjonijiet fl-arja fost il-pajjiżi Ewropej fis-sena 2016.
Skont il-Ministru Konrad Mizzi dan ir-riżultat hu frott il-ħidma li saret fis-settur tal-enerġija fejn ġew magħluqa l-aktar impjanti li jħammġu fil-pajjiż u li jaħdmu bil-heavy fuel oil – l-aktar żejt li jniġġes. Illum pajjiżna qed jiġġenera l-elettriku minn sorsi aktar nodfa mill-impjant il-ġdid tal-gass f’Delimara u mill-impjant tad-D3 li ġie konvertit biex jaħdem bil-gass naturali.
Il-Ministru Mizzi fakkar li llum, skont kif ġie mwiegħed, il-power station tal-Marsa tinsab magħluqa darba għal dejjem hekk kif ġiet maqtugħa mill-grid tal-elettriku ta’ pajjiżna u qed tiżżarma. Ftit tal-jiem ilu ntfiet iċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara u b’hekk temmejna darba għal dejjem l-użu tal-heavy fuel oil minn pajjiżna.
Dan kollu jirrifletti l-politika tal-Gvern dwar l-enerġija – dik ta’ inqas emissjonijiet u ta’ inqas trab fl-arja, b’kontijiet orħos għall-familji u għan-negozji.