B’referenza għal dokument ippubblikat illum mill-MEP Nazzjonalista David Casa, li suppost huwa abbozz ta’ rapport ippreparat minn analista tal-FIAU, il-Ministru Konrad Mizzi fi stqarrija qal li d-dokument huwa bla data u bla firma.Fi stqarrija spjega li d-dokument jidher li huwa ġabra ta’ konġetturi, fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq spekulazzjonijiet ippubblikati fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia u gazzetti lokali. Huwa interessanti li t-taqsimiet varji tal-abbozz jaqblu mas-sekwenza ta’ attakki kontra l-Ministru Mizzi, u dan jagħti kredibilità lill-fehma li dan id-dokument kien abbozzat biex ikun imbagħad leaked. Kull ipotesi u allegazzjoni ġiet diġà kontradetta.
Sostna li Casa qed jibni fuq il-gideb tal-Egrant li mexxa ’l quddiem ma’ Simon Busuttil, u qed jippersisti fuq il-missjoni malinna tiegħu li jħammeġ lill-avversarji politiċi tiegħu b’aktar allegazzjonijiet bla bażi. Iżda rapport dettaljat tal-inkjesta imħejji mill-Maġistrat Aaron Bugeja, li jikkonferma li l-Ministru Mizzi ma kienx involut f’korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew trażazzjonijiet finanzjarji suspetti, huma ċaħda qawwija tal-allegazzjonijiet fiergħa ta’ Casa.