“Huwa importanti li l-istudenti jieħdu rwol parteċipattiv f’materji li jikkonċernawhom, kemm lokalment u wkoll internazzjonalment”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt laqgħa kordjali ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Studenti Universitarji li saret fil-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Il-Ministru Caruana kompliet bis-sensiela ta’ laqgħat mal-imsieħba soċjali u wkoll ma’ entitajiet u għaqdiet li l-ħidma tagħhom hija konnessa mas-settur edukattiv. Fil-laqgħa tal-lum hija ltaqgħet mal-President tal-KSU Matthew Xuereb kif ukoll il-Koordinatur dwar l-Edukazzjoni tal-KSU Elsa Cassar.
Matul il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ suġġetti li jolqtu lill-istudenti, fosthom is-sehem tal-istudenti f’fora diversi u wkoll suġġetti oħra li dwarhom il-KSU ressqet is-suġġerimenti tagħha.
Il-Ministru Justyne Caruana stqarret li hija tinsab hemm biex fost oħrajn tgħin lill-istudent mhux biss f’dak li huwa tagħlim u studju, imma wkoll biex tagħtihom appoġġ għal dak li jkollhom bżonn.