Għall-ewwel darba f’Għawdex qed tiġi organizzata konferenza annwali tal-Insuleur li huwa forum li jiġbor fi ħdanu l-kmamar tal-kummerċ tal-gżejjer fil-Mediterran u li bħalissa huwa ppresedut mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana indirizzat dan il-forum bit-tema ‘Insular Economies and Digitilisaton’ fejn elenkat il-ħidma biex Għawdex ikun kompetittiv u jkun ukoll parti mit-trasformazzjoni diġitali. Hi rrimarkat kif Għawdex, għalkemm bħal gżejjer oħra għandu problemi ta’ insularità, xorta waħda permezz ta’ viżjoni fit-tul qed jegħleb din l-isfida u jbiddilha f’opportunità.
Il-Ministru Caruana qalet li l-ħidma tal-Minsiteru għal Għawdex għaddejja fuq diversi binarji iżda hemm tlieta li huma ewlenin. L-ewwel u qabel kollox l-investiment li qed isir fl-infrastruttura diġitali fosthom bit-tqegħid tat-tieni fibre optic cable u bil-bini tal-Gozo Innovations Hub. It-tieni binarju hija l-kultura miftuħa għall-bidla li tħaddan il-komunità kummerċjali Għawdxija hekk kif xprunata mill-Gvern, u t-tielet huwa l-investiment li qed isir fir-riżorsi umani li qed issir ukoll permezz ta’ diversi inizjattivi li qed jieħu l-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru Caruana semmiet kif diġà ġew attirati ismijiet kbar fis-settur tat-tekonoliġija tal-informatika, intelliġenza artifiċjali, blockchain, machine learning u data analytics li huma niċeċ u oqsma ġodda li jiġġeneraw l-investiment u ħolqien tal-impjiegi. Hija qalet kif Għawdex issa rnexxielu jattira ismijiet kbar bħal Google u Microsoft u għalhekk il-ħidma trid tintensifika ruħha biex jippromwovu lil Għawdex bħala post minn fejn jistgħu jsiru proġetti pilota ġodda u nippromwovu lil Għawdex bħala testbed ideali għal dawn s-setturi, speċjalment fil-gżejjer fejn it-teknoloġija tegħleb l-isfida tad-distanza u tal-isfidi kollha li ġġib magħha l-insularità, u bħal fil-każ ta’ Għawdex insularità doppja.
Il-Ministru Caruana awgurat għal iktar koperazzjoni bejn il-kmamar tal-kummerċ tal-gżejjer parteċipanti kif ukoll li din il-konferenza tressaq ’il quddiem ideat ġodda biex immexxu ’l quddiem l-aġenda diġitali.
Dan il-forum ġie wkoll indirizzat mis-Sur Joe Borg li bħalissa qed jokkupa l-kariga ta’ President ta’ Insuleur kif ukoll diversi kelliema esperti oħrajn.
Ritratti: MGOZ