Il-Ministru Justyne Caruana kellha żjara ta’ korteżija mir-rappreżentanta fil-kompetizzjoni prestiġjuża tal-Eurovision Young Dancers, Denise Buttigieg.
Denise Buttigieg se tirrappreżenta lil Malta fil-ħmistax-il edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni li se ssir fi Praga, ir-Repubblika Ċeka, nhar is-sittax ta’ Diċembru fejn se jieħdu sehem b’kollox 8 parteċipanti minn 8 pajjiżi Ewropej, qal is-CEO tal-PBS John Bundy li kien preżenti għal-laqgħa. “Dan il-konkors,” spjega s-Sur Bundy, “mhux biss hu pjattaforma ta’ talent għal kull min jieħu sehem, imma hu mod ta’ kif pajjiżi u kulturi differenti jintegraw flimkien”.
Il-Ministru ferħet lil Denise Buttigieg, li kienet akkumpanjata mill-ġenituri tagħha, u fakkritha li għandha tkun kburija li ġiet magħżula minn ġurija professjonali biex tirrappreżenta lil pajjiżna fuq skala internazzjonali. Il-Ministru Caruana qalet li temmen li bl-enerġija u bid-dedikazzjoni taż-żagħżugħa, pajjiżna għandu jmur tajjeb u jikseb riżultat prestiġjuż.
“Għawdex hu mogħni b’talenti li jekk nindukrawhom tajjeb jistgħu jagħmlu isem lil pajjiżna u lil Għawdex kburi. Għawdex u l-Għawdxin huma kburin li Denise se tkun l-ambaxxatriċi ta’ pajjiżna fil-Eurovision Young Dancers”, ikkonkludiet il-Ministru Justyne Caruana.