Fl-ewwel laqgħa tagħha mal-Kunsill Reġjonali għal Għawdex, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana emfasizzat l-importanza li l-Kunsill jaħdem b’mod strutturat u strateġiku, sabiex l-opportunitajiet li Għawdex joffri fl-oqsma soċjo-ekonomiċi jissarrfu f’ġid għall-komunità.
Il-Ministru Caruana qalet li l-Kunsill Reġjonali għal Għawdex ilaqqa’ l-ħidma ta’ 17-il delegat rappreżentanti ta’ oqsma differenti tas-soċjetà u taċ-Chairman tal-MCESD, u li huwa importanti li din il-ħidma tkun koordinata f’kuntest ta’ żviluppi nazzjonali. Dan bil-għan li l-Kunsill jaħdem b’mod integrat u mhux f’iżolament. Il-Ministru qalet li x-xogħol tal-Kunsill għandu jkun apprezzat għaliex ilaqqa’ flimkien riżorsi u ideat li għandhom il-potenzjal li jgħinu fit-tiswir tal-politika dwar Għawdex.
Hija qalet li l-Kunsill Reġjonali għal Għawdex għandu rwol kruċjali biex jipproġetta ir-realtajiet ta’ Għwdex fiċ-ċentru tal-politika, u jixpruna bidliet li jġibu opportunitajiet ġodda għall-komunità Għawdxija. Il-Ministru tenniet li hija temmen fil-proċess ta’ konsultazzjoni u esprimiet ix-xewqa tagħha li l-Kunsill Reġjonali jkun forum importanti biex dan il-proċess ikun jista’ jsir b’mod effettiv u dirett. Il-Ministru Caruana irringrazzjat lill-membri tal-Kunsill u tenniet l-impenn tagħha biex tgħin lill-Kunsill fil-ħidma favur Għawdex.
Il-Kunsill Reġjonali għal Għawdex beda jiltaqa’ fl-2008 u erba’ snin wara ngħata rappreżentanza fuq il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku. Il-Kunsill huwa uniku għal Għawdex fil-funzjoni legali tiegħu li jipproponi politika dwar Għawdex lill-Gvern. Fil-laqgħa tal-lum, il-Ministru Caruana ingħatat rendikont tax-xogħol tal-Kunsill, inkluż l-involviment tiegħu fit-tfassil u d-dibattitu dwar politika reġjonali awtonoma.