Il-Ministeru għal Għawdex u l-Fakultà għall-Benesseri Soċjali (Social Well-being) fi ħdan l-Università ta’ Malta tellgħu konferenza għaż-żgħażagħ f’Għawdex. It-temi għal din il-konferenza kienu l-isfidi taż-żgħażagħ Għawdxin.
Il-Ministeru qed jiffinalizza l-pjan ta’ żvilupp reġjonali għal Għawdex li se jwassal sal-2030 u l-mira hi l-ħolqien tax-xogħol u d-diversifikazzjoni kummerċjali għal ekonomika reżiljenti u inqas dipendenti fuq is-settur pubbliku.
Il-Ministru semmiet li fil-kuntest ta’ dan kollu, il-gamechangers huma l-fast ferry, il-konnessjoni permanenti, il-fibre optic u l-pakkett ta’ inċentivi għall-investiment. Il-Ministru Caruana ħabbret li l-Gozo Channel ikkonkluda l-proċess li se jwassal biex jinbeda servizz ta’ fast ferry bejn Għawdex u Malta wara li kienet ħarġet talba fi Frar ta’ din is-sena għal konsultazzjoni biex kumpaniji interessati jitfgħu l-proposti tagħhom u joffru s-servizzi ta’ fast ferry.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-għan tal-ministeru mmexxi minnha hu li jiffoka fuq il-bżonnijiet tal-komunità Għawdxija u dan qed isir b’mod konkret. Fejn qabel konna nitkellmu dwar pjanijiet kbar għal Għawdex li qatt ma twettqu, illum qed naraw stil ta’ politika fejn dak li jiġi mwiegħed, qed jitwettaq.
Il-Ministru għal Għawdex emfasizzat il-ħtieġa ta’ djalogu miftuħ għal ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ, għalhekk il-ħsieb tal-Ministeru li jkun il-pont biex iqarreb iż-żgħażagħ mat-tmexxija ta’ Għawdex. Justyne Caruana awgurat iktar kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta biex ikollna riċerka aġġornata kif ukoll kapital uman imħarreġ fix-xogħol maż-żgħażagħ.