Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li tinsab lura fl-uffiċċju għall-ħidma wara li fil-jum tat-Tlieta hija ddaħħlet l-isptar u nżammet għall-osservazzjoni.
Il-Ministru Caruana ppubblikat ritratt tagħha fl-uffiċċju u rringrazzjat lin-nies tal-appoġġ, fl-istess jum ta’ rapporti fil-midja li ġabu l-kundanna ta’ bosta għar-rappurtaġġ meqjus bħala nieqes mill-etika.
Matul il-jum spikkaw sensiela ta’ messaġġi ta’ solidarjetà ma’ Justyne Caruana fosthom mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-Partit Laburista Daniel Micallef u l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard.
Fil-fatt Coleiro Preca kitbet li hu tal-mistħija li sezzjoni tal-midja b’nuqqas ta’ etika u ta’ empatija ppruvat tissensazzjonalizza l-gwaj.
B’ittri kbar kitbet li nqabżet il-linja.
Id-deputat mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal li dak li kien ġie rappurtat huwa baxx lejn omm li kienet l-isptar.
Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard saħqet li huwa għal kollox inspjegabbli kif hawn min jasal biex jinżel f’livelli baxxi biex jakkwista ftit udjenza lejn il-midja tiegħu.
Fakkret kif fl-aħħar xhur, il-Ministru Justyne Caruana għaddiet minn mumenti diffiċli fosthom l-aktar riċenti, it-telfa ta’ missierha.