Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żjaret il-korsa taż-żwiemel u l-faċilitajiet tagħha f’Ta’ Xħajma, limiti tax-Xewkija.
Filwaqt li rat il-faċilitajiet preżenti li toffri din il-korsa, il-Ministru Caruana stqarret li b’ippjanar serju u aktar riżorsi, il-potenzjal li toffri din il-korsa jistgħu jitgawdew mhux biss mid-dilettanti taż-żwiemel imma mill-pubbliku sportiv Għawdxi. “Hija ħasra li matul dawn is-snin kollha, din il-korsa ma ngħatatx l-attenzjoni li jixirqilha,” tenniet il-Ministru Caruana.
L-għan ta’ din iż-żjara kien li tkun evalwata s-sitwazzjoni preżenti u jkunu diskussi x-xogħljiet li għandhom isiru f’dan il-post. Il-Ministru Caruana sellmet lill-ħaddiema li huma assenjati mal-korsa Ta’ Xħajma u rringrazjathom tax-xogħol siewi li qed jagħmlu.
Hija kkonkludiet li l-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jisfrutta l-potenzjal massimu li toffri din il-korsa u wegħdet is-sostenn u l-impenn tagħha biex jintlaħaq dan il-għan. Hija ssuġġeriet li għandhom isiru taħdidiet u laqgħat ta’ konsultazzjoni biex naraw kif il-korsa għandha tkun żviluppata u titgawda iktar.
Il-korsa Ta’ Xħajma nbniet f’nofs is-snin tmenin b’tul ta’ madwar 1,000 metru u fiha jkunu organizzati għadd t’avvenimenti relatati ma’ dan l-isports. Il-korsa titmexxa mill-Gozo Horse Racing Association.