Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, fi żjara fi Ġnien l-Ewropa, iż-Żurrieq, irringrazzjat lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni għall-ħidma tagħhom f’dawn l-aħħar xahrejn, fejn kien intensifikat ix-xogħol ta’ tisbiħ f’ġonna pubbliċi.
Akkumpanjata mis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni Ramon Deguara, il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif dan l-impenn wera kif, minn sfida, il-ħaddiema tal-gvern daħlu għal opportunità biex itejjbu l-infrastruttura fl-irħula tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif dan il-ġnien fiż-Żurrieq se jkollu dehra differenti hekk kif inħadmu bankijiet ġodda mill-ħaddiema tad-Dipartiment u sar xogħol biex, minn stat ta’ abbandun b’funtani li kienu ilhom snin wieqfa, dawn jerġgħu jibdew jaħdmu. Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima wriet l-apprezzament tagħha kif f’dan ir-raħal sar xogħol fi tliet ġonna pubbliċi, u issa jistgħu jitgawdew mill-familji.