Fil-Qorti Kriminali, Marco Vassallo, ta’ 48 sena, instab ħati li kiteb kliem ta’ mibgħeda fuq il-midja soċjali fil-konfront tal-Ministru Julia Farrugia Portelli.
Il-kumment sar taħt kumment li l-Ministru tellgħet b’rabta ma’ ħidma tal-Gvern li hija kellha flimkien mal-Ministru Michael Falzon.
Fil-kumment tiegħu l-akkużat uża l-aġġettivi “ħmieġ tal-annimali” u “demel” fil-konfront tal-Ministru Farrugia Portelli. Vassallo kiteb ukoll li huwa jobgħod lill-Ministri Farrugia Portelli u Falzon u talab lill-Ministru biex ma “toqgħodx titnejjek b’nies diżabbli”.
Fix-xhieda tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat li dan il-kumment inkiteb wara li, fix-xhur preċedenti, Ministri u Membri Parlamentari kienu suġġetti għal tgħajjir u saħansitra tfigħ ta’ oġġetti huma u ħerġin mill-Parlament.
Hija semmiet kif, fil-ġimgħat qabel ma nkiteb dan il-kumment, irċievet theddid fuq ħajjitha kemm pubblikament kif ukoll f’kummenti fuq il-Facebook. Il-Ministru fakkret li dawn il-każijiet għadhom qed jiġu investigati mill-Pulizija.
L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u weħel multa ta’ €1,500. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat armaine Galea, ordnat lil Vassallo li ma jistax jagħmel kuntatt mal-Ministru Farrugia Portelli għal perjodu ta’ 3 snin. Jekk tinkiser din l-ordni, l-akkużat ikollu jħallas multa ta’ €7,000 jew jiskonta sentenza ta’ priġunerija.
Għall-akkużat deher l-avukat Joseph Giglio, filwaqt li għall-Ministru Julia Farrugia Portelli dehret l-avukata Ramona Attard.