Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli kellha l-ewwel laqgħa uffiċjali mal-Kummissarju l-ġdid tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li “Il-ħatra tat-tieni Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà se tkun qed tibgħat messaġġ b’saħħtu li mhux kull diżabbiltà hi viżibbli. Din torbot bl-aktar mod b’saħħtu mal-aħħar tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għall-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà li jiġi ċċelebrat kull 3 ta’ Diċembru li kienet: Not all Disabilities are Visible. Nemmen li l-irwol ta’ Samantha għal snin twal bħala attivista u f’dawn l-aħħar xhur bħala persuna li spiċċat b’diżabbiltà se twassal għall-messaġġ b’saħħtu fis-soċjetà,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.
“Aktar minn qatt qabel, l-għan tal-Ministeru huwa li d-diżabbiltà tittella’ fuq pjattaforma nazzjonali u b’mod konkret is-soċjetà tkun iżjed sensittiva għall-isfidi li qegħdin jgħixu ta’ kuljum dawn il-persuni u qrabathom. Dan wara li għall-ewwel darba tella’ l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà fuq livell ministerjali, dekasteru li għandi l-privileġġ li nkun responsabbli għalih. L-għarfien għandu jibda sa minn età ċkejkna inkluż b’kampanji edukattivi li jipprovdu għarfien dwar kif in-nies għandhom iġibu ruħhom f’każijiet ta’ diżabbiltà,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Min-naħa tagħha l-Kummissarju Pace Gasan, filwaqt li rrikonoxxiet il-ħidma tal-predeċessur tagħha, qalet li huma diversi l-miri li għandha f’dan ir-rwol ġdid tagħha. “Bħal f’kull ħaġa oħra jkollok il-prijoritajiet. Fost dawn se nkunu qegħdin naħdmu biex l-inklużjoni u l-aċċessibiltà jkunu mainstreamed, titqajjem aktar kuxjenza dwar il-kunċett ta’ intersezzjonalità, il-fatt li persuni b’diżabbiltà għandhom diversi aspetti fl-identità tagħhom u jistgħu jkunu jiffurmaw parti minn minoritajiet oħrajn. Nixtieq li fis-settur tad-diżabbiltà jissaħħu l-kreattività u l-innovazzjoni. Se nkun qed naħdem ma’ diversi stakeholders, inkluż il-Gvern, is-settur pubbliku u dak privat, l-għaqdiet mhux governattivi, il-familji ta’ persuni b’diżabbiltà u individwi. Se nagħmel ħilti kollha għal aktar għaqda u kollaborazzjoni fis-settur tad-diżabbiltà sabiex flimkien niġbdu ħabel wieħed fl-interess tal-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom,” qalet il-Kummissarju l-ġdid għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.
L-aħħar riċerka turi li f’Malta u Għawdex hawn madwar 35,000 persuna b’diżabbiltà fejn 20,620 huma rreġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.