Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja flimkien mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, iddiskutew il-futur ta’ kif jistgħu jkomplu jitjiebu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. F’din il-laqgħa ġew identifikati lista ta’ prijoritajiet marbuta ma’ inizjattivi u proġetti li jservu ta’ titjib fil-kwalità tal-ħajja għal eluf ta’ nies b’diżabiltà.
Din kienet l-ewwel laqgħa uffiċjali ta’ dan il-Ministeru mit-twaqqif tiegħu, u se tkun ċentrali għall-passi kbar ‘il quddiem għal bosta nies b’diżabiltà fost l-oħrajn.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli sostniet b’unur li laqgħat bħal dawn se jkunu ta’ importanza sabiex l-inklużjoni u d-diżabiltà jingħataw l-attenzjoni li jeħtieġu.
Hija qalet: “Jiena kburija li qed inservi f’portafolli għall-ewwel darba ngħata Ministeru biex iħares lejn l-inklużjoni u diżabbiltà minn lenti aktar b’saħħitha. Irridu nibgħatu messaġġ b’saħħtu li din hija bidla li żgur se tħalli r-riżultati tagħha.”
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà, Oliver Scicluna faħħar dan il-Gvern soċjali talli kompla jpoġġi dan is-settur fuq quddiem tal-aġenda tiegħu billi ttella fuq livell ta’ ministeru.
Huwa qal:
“Kien jinħass il-bżonn ta’ dan il-Ministeru għall-fatt li l-persuni ta’ diżabbiltà hemm barra qegħdin f’kullinkwe post fis-soċjetà tagħna u għalhekk tajjeb li tingħata din l-importanza biex inkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-persuni b’diżabiltà.”