Waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm tar-Radju tal-Knisja, ‘Għandi Xi Ngħid’, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard tenna li hu jistenna li jkun hemm kritika għat-tmexxija tal-Gvern jew tal-istituzzjonijiet. Jaċċettaha u jieħu nota tagħha.
Minkejja dan, kompla jgħid li jiddejjaq meta tali kritika jew attakki jkunu selettivi, kif jogħġbu jagħmel l-establishment Nazzjonalista. Hawn akkuża lid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li kien qed jiddibatti fl-istess programm, kif kontinwament jistaħba wara l-għaqda Repubblika, li hi mmexxija minn ħuh Robert.
Biex imbagħad ikompli fuq l-istess attakki l-Partit Nazzjonalista, u wara jirrepetihom anke l-Kap innifsu Bernard Grech.
Fl-aħħar jiem, Grech ammetta li jirċievi struzzjonijiet dwar kif għandu jimxi fuq kwistjonijiet bħalma hi l-Inkjesta Vitals, li ngħalqet wara aktar minn erba’ snin u nofs tard mill-Maġistrata Gabriella Vella u ppreżentata proprju fil-jum li fetħu n-nomini għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Dr Attard irrefera għall-kwistjoni attwali fejn qed jiġi kkritikat it-timing propizju tal-Maġistrat Vella, b’intenzjonijiet ċari li ssir ħsara politika.
Minkejja dan, fakkar kif fl-aħħar snin l-establishment Nazzjonalista, li llum qed jipprova jilgħabha tal-paladin tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt, nieda attakki diretti u inġustifikati fuq l-Imħallef Giovanni Grixti, fuq il-Maġistrat Nadine Lia, fost oħrajn, attakki kontinwi fuq l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Hawn Dr Attard sfida lil Karol Aquilina biex, jekk forsi jrid jipprova jkun b’xi mod kredibbli, jikkundanna tali attakki li saru mill-establishment li jagħmel parti minnu. Sfida li, ovvjament, ma ntlaqgħetx.