Malta tappoġġja d-direttiva tal-Unjoni Ewropea li tiġġieled kontra l-iffaċilitar tad-dħul klandestin ta’ migranti, inkluż bit-tisħiħ tar-regoli fejn tidħol il-liġi kriminali. Dan intqal mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, waqt li kien qed jipparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Dr Attard sostna li din id-direttiva m’għandhiex tkun limitata għall-benefiċċju jew gwadann finanzjarju inkella materjali.
F’dan il-Kunsill ġiet diskussa wkoll il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, fejn Attard sostna li pajjiżna jappoġġja kull inzjattiva f’dan ir-rigward.
“Kienet diskussa d-direttiva li qed titressaq mill-Kummissjoni dwar miżuri preventivi armonizzati li jipprevenu t-traffikar ta’ immigranti. Kien diskuss ukoll dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, fejn Malta tappoġġja kull sforz li jsir biex tkun miġġielda din il-pjaga mifruxa mal-Ewropa kollha.”
Il-ministri Ewropej responsabbli mill-ġustizzja ddiskutew wkoll ir-rapport dwar is-saltna tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
“Fuq l-aġenda wkoll tad-diskussjoni kien hemm ir-rapport annwali tal-ġustizzja fejn kien rikonoxxut ukoll l-isforz li qed jagħmel pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investiment, kemm fl-aspett diġitali kif ukoll ta’ riżorsa umana biex jissaħħaħ l-aċċess għall-ġustizzja.”