Fiż-żmien li ġej, se tibda konsultazzjoni pubblika dwar riforma fis-settur tal-Qorti tal-Familja.
Dan hekk kif għaddejja ħidma dwar rakkomandazzjonijiet immirati biex itejbu dan is-settur tant importanti.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fil-Parlament, meta kien mistoqsi fil-Parlament mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia.
“Inħares ’il quddiem li fiż-żmien li ġej, inkun nista’ nħabbar l-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika marbuta ma’ dan is-settur. Anki li jirriflettu dawk li għandna impenji fil-programm elettorali tagħna fuq is-settur tal-familja.”
Il-Ministru Attard spjega li fl-aħħar xhur saru laqgħat mal-partijiet ikkonċernati u anki dawk il-persuni li huma mġarba minħabba ċertu sitwazzjoni li kellhom f’ħajjithom.
Ma’ dawn kien hemm ukoll ħidma mal-Ministru għall-Politika Soċjali, li huwa responsabbli mill-familja.
“Il-pass li jmiss huwa li dan kollu, b’xi mod jew ieħor, jiġi rifless f’riforma leġiżlattiva, li fl-aħħar mill-aħħar trid ikun hemm intervent leġiżlattiv fuq diversi oqsma li din ir-riforma twassal għal frott mixtieq.”
Dr Attard sostna li din ir-riforma hi importanti, biex ikompli jiġi msaħħaħ dak li se jkun rakkomandat u tagħti opportunità li ssaħħaħ il-Qorti u anki permezz ta’ strutturi speċjalizzati, li jwasslu għal aktar effiċjenza.
Bil-Ministru Jonathan Attard tenna li dejjem trid issir ġustizzja fl-aqwa interess tat-tfal.