Mhuwiex minnu li l-inkjesta dwar il-Panama Papers hi lesta u ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan intqal mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, f’kummenti waqt li kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti.
Hu ċċara dawn il-fatti, hekk kif fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali, il-kandidat Nazzjonalista David Casa, il-Kelliem Nazzjonalista għall-Ġustizzja, Karol Aquilina, u l-Avukat tal-għaqda Repubblika u l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi daqqew it-trombi li lesta inkjesta oħra.
Dan bil-għan li jieħdu kapital politiku minn inkjesta oħra maġisterjali, kif diġà bbażaw il-kampanja elettorali tagħhom fuq dik tal-Maġistrat Gabriella Vella li ġiet ippreżentata proprju mal-ftuħ tan-nominazzjonijiet għall-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.
“L-inkjesta hi proċess ġudizzjarju li m’għandniex għalfejn jispekulaw fuqu. Ċertament sal-lum, ħa nkun bl-aktar mod ċar l-esiġenzi politiċi. Għalfejn? Għax kellek Partit Nazzjonalista, li forsi ma servitux inkjesta waħda biex jagħmel kapital politiku u ried iżeffen inkjesta oħra fin-nofs. Jew, agħar minn hekk, u naħseb bl-aktar mod evidenti, riedu jagħtu preferenza lil xi kandidat tagħhom, partikolarment lil David Casa, li riekeb minnufih fuq din il-gidba u ħareġ stqarrija pubblika, ilbieraħ stess. U allura jien nemmen li dawn il-proċessi ġudizzjarji, ejja nħalluhom ’il barra mill-arena politika.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Hawnhekk il-Ministru Attard ikkundanna din l-irresponsabilità fejn proċess ġudizzjarju reġa’ żżeffen f’nofs l-arena politika mill-Partit Nazzjonalista.
“F’dan il-kuntest, jien ma nistax ma nirrimarkax is-sitwazzjoni, fejn kellek ħafna nies, li qegħdin jappellaw biex inżommu lil hinn mill-politika, il-proċessi ġudizzjarji bħal din fejn bl-aktar mod, ngħid jiena irresponsabbli, partit politiku joħroġ stqarrijiet pubbliċi minn kandidati, Ewroparlamentari u, agħar minn hekk, mix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, li fiha għal darba oħra hedded b’azzjonijiet personali lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija u ma jkunx hemm kundanni pubbliċi għal dan l-għan.”
Il-Ministru Jonathan Attard