Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni kellu laqgħa bilaterali mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u Kap tad-Delegazzjoni Alex Agius Saliba flimkien mal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista Daniel Attard u Thomas Bajada.
Fil-laqgħa ġew diskussi diveri temi, inkluż il-ħidma li qed jagħmel il-Gvern Malti fir-rigward tas-saltna tad-dritt u l-governanza. Il-Ministru Attard spjega kif ftit tal-ġranet ilu kellu l-opportunità jagħti preżentazzjoni fil-Kunsill Ġenerali dwar l-avvanzi li għamlet Malta f’dan il-qasam, inkluż dwar in-numru ta’ riformi kuraġġużi bħall-ħolqien ta’ sezzjoni tal-maġistrati inkwerenti u l-implimentazzjoni tad-direttiva Anti-SLAPP.
Huwa kompla jgħid li fiż-żmien li ġej ser titnieda konsultazzjoni pubblika fuq ir-rapport tal-kumitat tal-esperti tal-media, kif ukoll riformi oħra li jkomplu jsaħħu l-ispeċjalizzazjoni bħall-ħolqien ta’ Qorti Kummerċjali.
Il-Ministru Attard saħaq kif il-Gvern Malti se jkompli jkun parteċipi wkoll fuq diversi temi sensittivi li qed jiġu trattati fuq livell ta’ Kunsill tal-Ministri.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej u Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba spjega kif fuq livell Ewropew qed jiġu apprezzati r-riformi sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet li mexxa ‘l quddiem Gvern Laburista. Agius Saliba sostna illi hemm bżonn inkomplu nimplimentaw riformi kuraġġużi li jsaħħu l-effiċjenza tal-Qrati tagħna.
Huwa għalaq billi saħaq illi għall-kuntrarju tal-MPEs Nazzjonalisti illi jinqdew b’kull opportunità sabiex jattakaw lil pajjiżna, id-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew ser tkompli tispjega u titkellem favur dawn ir-riformi fl-istituzzjonijiet Ewropej.