Waqt dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fakkar lill-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar l-iskandlu ta’ Skanska u d-differenza li tiddistingwi bejn Gvern Laburista u Gvern Nazzjonalista.
Skanska, li kienet il-kumpanija inkarigata mill-bini tal-Isptar Mater Dei fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, snin wara kienet inżammet responsabbli għall-konkos difettuż li kien instab li jikkaratterizza diversi partijiet tal-Isptar.
Għaxar snin ilu, kien instab il-konkos difettuż f’Mater Dei, fi żmien meta Gvern Laburista kien ried jibni żewġ sulari fuq l-Emerġenza biex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet sabet li l-konkos fil-binja ma kienx b’saħħtu biżżejjed għal sulari addizzjonali.
B’riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ €150 miljun mit-taxxi tal-poplu biex dan id-difetti jiġu rranġati.
Hawnhekk il-Ministru Attard innota kif din l-ispiża ma setgħetx tinġarr, kif suppost mill-kumpanija minħabba l-waiver, li fih Gvern Nazzjonalista evitalha kull forma ta’ responsabilità.
“Li Gvernijiet Nazzjonalisti, quddiem l-iskandlu tal-Mater Dei marru jiffirmaw waiver, jiġifieri ħafru kull forma ta’ responsabilità lil Skanska milli jkun hemm possibilità li jfittxuhom u taf min iggwadanja minn dan kollu, l-avukat ta’ min iggwadanja, Adrian Delia kien li nnegozja.”
Hawnhekk il-Ministru Attard staqsa b’mod ċar dwar dan lil Delia, li tfixkel.
JONATHAN ATTARD: “Mela xbajt tiftaħar li kont l-avukat ta’ Skanska?”
ADRIAN DELIA: “Iva.”
Dan il-waiver sar fi żmien Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi u f’rapport tal-Awditur Ġenerali fl-2018 kien ġie nnotat li l-waiver sar b’insistenza tal-istess Skanska.
Dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, il-Ministru Attard sostna li l-Gvern Malti ħa kull pass li ġie rrakkomandat lilu kemm mill-Avukat tal-Istat kif ukoll minn avukati lokali u internazzjonali biex jirkupra dak dovut lil pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ġustizzja saħaq ma’ Delia biex, bħala rappreżentant tal-poplu, iġib lil Malta l-ewwel dejjem u mhux meta jaqbillu.