Minn ftit tas-sigħat ilu, il-pompi tal-fjuwil jinsabu magħluqa għall-konsumatur wara li daħlet fis-seħħ azzjoni industrijali tal-GRTU. Fl-aħħar sigħat, il-Ministru Joe Mizzi għal darb’oħra sejjaħ laqgħa mal-GRTU biex tkun diskussa l-kwistjoni tal-pompi tal-fjuwil.
Il-Ministru tenna li l-Gvern lest ikompli d-diskussjonijiet, bit-tama li jintlaħaq ftehim li ma jkunx ta’ detriment fuq il-konsumatur jew in-negozji. Il-laqgħa mistennija ssir is-Sibt li ġej, minkejja li l-GRTU m’aċċettatx iż-żieda li offra l-Gvern.
Kien fl-2011 li l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi kienet tat żieda fil-qligħ mill-fjuwil lill-pompi speċifikament bil-kundizzjoni li dawn ikopru l-investimenti strutturali li għandu jsir sal-elfejn u għoxrin iżda għalkemm is-sidien kollha tal-pompi tal-fjuwil kellhom l-obbligu li jagħmlu dan, il-maġġoranza tagħhom m’għamlux dan l-investiment.
Minn dan iż-żmien s’issa żdiedu wkoll l-ammont ta’ karozzi fil-pajjiż, u għaldaqstant żdied ukoll il-konsum tal-fjuwil. Iż-żidiet wasslu wkoll għal qligħ akbar lis-sidien tal-pompli tal-fjuwil.