Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi kien mistieden mir-Reġjun ta’ Sqallija biex jindirizza workshop internazzjonali dwar l-użu tal-ilma u l-enerġija fis-settur tat-turiżmu fir-reġjun tal-Mediterran.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Mizzi kien mistieden mill-President tar-Reġjun ta’ Sqallija, Dr Nello Musumeci għal laqgħa informali fis-sede tal-Gvern Reġjonali ta’ Sqallija.
F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi ta’ interess bilaterali, b’referenza speċjali għall-progress fuq il-proġett tal-pipeline tal-gass bejn iż-żewġ gżejjer, proġett li huwa ta’ interess kemm għal Malta u għal Sqallija.
Il-Ministru Mizzi rringrazzja lill-Gvern Reġjonali kif ukoll lill-awtoritajiet Taljani għall-kollaborazzjoni li Malta qed issib fil-proċess tal-applikazzjoni għal dan il-proġett u informa lill-President Musumeci dwar l-istat preżenti ta’ dan il-proġett.
Matul il-laqgħa ġew ukoll diskussi inizjattivi bilaterali fil-qasam tal-ilma u l-enerġija, partikolarment inizjattivi li huma ta’ interess komuni u li għalhekk jikkwalifikaw għall-użu ta’ fondi reġjonali mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Mizzi u l-President Musumeci reġgħu affermaw il-kollaborazzjoni pożittiva bejn Malta u Sqallija f’diversi setturi, liema kollaborazzjoni qed tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini taż-żewġ gżejjer.
Matul iż-żjara tiegħu f’Palermo, il-Ministru Joe Mizzi, li kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano, kellu wkoll laqgħa ta’ korteżija mas-Sindku ta’ Monreale.