Fl-intervent tiegħu waqt laqgħa tal-Ġnus Magħquda fi New York dwar ir-reżistenza tal-mikrobi kontra l-antibijotiċi, il-Ministru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, enfasizza fuq l-importanza li jsir aktar investiment f’mediċina innovattiva.
Ir-reżistenza tal-mikrobi kontra l-antibijotiċi, magħrufa aħjar bħala AMR, hi tema prinċipali li ġiet diskussa wkoll f’dawn il-laqgħat fl-Istati Uniti tal-Amerka, fejn qed tattendi delegazzjoni għolja Maltija.
Kien hawn fejn il-Ministru Abela ta spjega ta’ dan it-terminu.
“L-AMR tfisser antibiotic resistant bacteria, jiġifieri inti għandek mikrobi li jidraw l-antibiotiċi, imbagħad, jekk jimrad xi ħadd b’dawn il-mikrobi, ma jkollniex antibiotiċi biex nittrattaw lil dak il-pazjent. Din hi xi ħaġa serja. Ir-raġuni hi li, fid-dinja, persuna kull tliet minuti titlef ħajjitha minħabba dawn il-mikrobi.”
Iżjed minn hekk, il-Ministru qal li jkun aktar għaqli wkoll li pajjiżi kbar, minflok jonfqu t-triljuni ta’ flus f’armamenti ġodda, jinvestuhom biex titjieb il-provvista tal-ikel u ilma nadif f’pajjiżi li huma l-inqas żviluppati.
“Is-suġġeriment tagħna bħala pajjiż kien li, iva, id-dinja trid tagħraf li din hi problema. Għandek pajjiżi li jonfqu triljuni ta’ dollari f’armamenti ġodda, armamenti innovattivi. Mhux aħjar dawn il-pajjiżi jonfqu dan it-tip ta’ baġit għall-ġid tal-umanità biex nikkumbattu din il-problema, biex ikollna antibijotiċi ġodda flok armamenti ġodda. Jiġifieri aħna qegħdin minn fuq quddiem li nixprunaw, nimbottaw, dawn l-isforzi, għax din xi ħaġa li ma tħarisx lejn uċuh, jiġifieri abjad, iswed, sinjur u fqir, meta tinqala’ din il-problema, mhix ħa taħfirlek.”
Fil-laqgħa, Malta, flimkien mal-pajjiż tal-Karibew, il-Barbados, irċevew bosta tifħir u ringrazzjamenti fuq dikjarazzjoni li hi pedmanet sod għall-miri tas-snin li ġejjin.
“Din hi dikjarazzjoni politika li ħadmu, imbottaw, ħafna biex issir il-Barbados u l-istat ta’ Malta, jiġifieri din id-dikjarazzjoni għamlet il-pedament ta’ issa l-miri li rridu niksbu fis-snin li ġejjin. Ħa nerġa’ ngħid, kundizzjoni li għandha potenzjal li toqtol ħafna persuni, tista’ tgħid bla bżonn, jiġifieri hu importanti li kulħadd imidd għonqu għax-xogħol. Meta ngħid kulħadd, jiġifieri l-pajjiżi kollha flimkien, Malta waħedha ma tistax tagħmel differenza.”