Irridu nkomplu nagħtu sehemna biex inkattru kultura ta’ altleti professjonali li jirnexxu fil-kamp sportiv internazzjonali, filwaqt li jkunu qed iservu f’Korp Dixxiplinat. Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela waqt laqgħa mas-suldat u tiratur William Chetcuti b’rikonoxximent għar-rebħ tal-midalja tad-deheb fit-Tazza tad-Dinja tal-ISSF, riċentament.
Abela feraħ lil Gunner Chetcuti għas-suċċess tiegħu doppju, kemm bħala Malti u membru tal-Armata. Tkellem fuq ir-rieda biex il-Korpi Dixxiplinati permezz ta’ skemi ta’ benefiċċju jservu ta’ għajuna għall-atleti biex ilaħħqu kemm id-doveri tax-xogħol u l-impenji tat-taħriġ fil-preparamenti għas-sehem tagħhom f’avvenimenti sportivi barra minn xtutna.
Huwa semma’ kif Gunner Chetcuti huwa xhieda ta’ kif skema bħal din tista titħaddem b’mod pożittiv. Bl-eżempju integru tiegħu huwa witta t-triq biex kemm il-Korpi Dixxiplinati u iżjed membri jifhmu l-bżonn li talenti sportivi bħal dawn mhux biss jiġu apprezzati u imkattra imma jingħataw spinta. Dan permezz ta’ trattament vantaġġjuż li bih ikunu jistgħu jilħqu il-kriterji mitluba fit-taħriġ għal kompetizzjonijiet sportivi f’fora internazzjonali.
Il-Ministru Abela faħħar lil-Federazzjoni Maltija tal-Isparar irrapprażenta waqt il-laqgħa mis-Sur Saviour Portelli għal ħidma tagħha mibnija fuq pjan biex in-numru ta’ sportivi Maltin li jippromettu barra ‘l pajjiż ikompli jikber.
Preżenti kien hemm ukoll il-Brigadier tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi li tkellem kif is-Sur Chetcuti dejjem wera d-disponobilita’ immedjata tiegħu għad-doveri mitluba minnu fil-Forza.
Il-Ministru Abela ippreżenta tifkira lil Gunner Chetcuti bħala turija ta’ rikonoxximent għas-suċċess tiegħu.
Is-Suldat Chetcuti ilu fl-Armata għal dawn l-aħħar erba’ snin. Huwa jservi fis-sezzjoni tat-taħriġ tal-Forza bħalaAssistant Physical Trainer Instructor u preżentament qiegħed isegwi t-taħriġ fiżiku offrut lil grupp ta’ rekluti ġodda.