Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis żaru l-lokalità tal-Pietà fejn flimkien mar-rappreżentanti tal-kunsill lokali tal-istess lokalità nedew servizz ta’ trasport on demand b’xejn għar-residenti u l-ħaddiema ta’ din il-lokalità.
Dan wara li l-istess kunsill kien rebaħ il-kompetizzjoni li Transport Malta tellgħet għal miżuri permanenti favur trasport sostenibbli bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità 2018. Dan il-kunsill kien ġie fl-ewwel post u għalhekk kien rebaħ is-somma ta’ €51,500 għall-implimentazzjoni ta’ din il-proposta.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nara kunsill lokali ieħor jimplimenta miżura permanenti favur aktar sostenibbiltà fis-settur tat-trasport, arja aktar nadifa fil-lokalitajiet tagħna, kultura aktar sostenibbli fejn jiħdol it-trasport u fuq kollox favur il-benefiċċju tal-komunità. Kuntent ukoll nara li dan il-kunsill għażel li għas-servizz juża vann elettriku, pass li jkompli mhux biss jippromwovi mezzi alternattivi u trasport kollettiv, iżda jgħin ukoll biex il-kwalità tal-arja f’din il-lokalità titjieb”, qal il-Ministru Borg.
Huwa spjega kif dan is-servizz se jkun qiegħed jinċentiva lin-nies tal-lokal biex iħallu l-karozza privata warajhom id-dar, pass li se jkun qiegħed jgħin biex inaqqas iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi privati mill-qalba tal-lokalità kif ukoll minn fuq it-toroq Maltin. Il-Ministru Borg fakkar ukoll fiż-żjara riċenti tiegħu fil-lokalità ta’ Bormla fejn wara inizjattiva simili għall-anzjani, il-kunsill lokali ra li d-domanda kompliet dejjem tiżdied u għalhekk estenda s-servizz. Huwa faħħar lil dawn il-kunsilli lokali talli ħadmu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħhom.
Filwaqt li spjega kif se jkun qiegħed jaħdem is-servizz fil-Pietà, il-Ministru Borg faħħar lil dan il-kunsill lokali tal-ħidma ħabrieka għal-lokalità tiegħu. Huwa aċċenna għall-kappella li quddiemha ttellgħet l-attività, liema kappella u l-madwar ġew riġenerati b’fondi tad-Development Planning Fund.
“Il-kunsilli lokali huma importanti biex inkomplu nwasslu aktar u aktar benefiċċji lill-poplu Malti u Għawdxi. Nieħu pjaċir nara kunsilli lokali attivi u nħossni sodisfatt li bħala gvern qegħdin ngħinu lill-kunsilli jwettqu proġetti daqstant importanti. Min-naħa tiegħi nerġa’ nħeġġeġ lill-kunsilli biex jersqu ‘l quddiem bi proġetti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies, filwaqt li nħeġġeġ lir-residenti biex jużaw is-servizzi li l-kunsilli qed joffrulhom. Jekk naħdmu flimkien, il-benefiċċju jkun taċ-ċittadini u tar-residenti kollha tal-pajjiż. L-għan tagħna huwa li dejjem inkomplu ngħollu l-livell tal-għajxien tal-komunitajiet tagħna”, għalaq il-Ministru Borg.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis feraħ lill-Kunsill Lokali tal-Pietà talli fil-ġimgħat li ġejjin se jibda joffri dan is-servizz ta’ trasport b’xejn għar-residenti. Parnis tenna li dan ikompli juri li l-kunsilli lokali llum il-ġurnata qegħdin joffru dejjem aktar servizzi liċ-ċittadini tagħhom u dan jawgura tajjeb għaliex ifisser li dawn qegħdin jifhmu r-rwol tagħhom bħala dik l-awtorità li hija l-eqreb lejn iċ-ċittadin.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li dan is-servizz se jservi bħala vantaġġ ambjentali u fl-istess ħin se jkompli jżid l-inklużjoni b’mod speċjali għall-anzjani tagħna u għall-persuni b’diżabilità. Parnis għalaq billi qal li hemm bżonn li aktar kunsilli lokali jibdew joffru dan it-tip ta’ servizz fil-lokalitajiet tagħhom u jistgħu jagħmlu dan billi jieħdu sehem f’kampanji bħalma hi dik tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità.
Is-servizz għalissa se jkun qiegħed jopera bħala prova u se jibda jingħata b’mod sħiħ f’April ta’ din is-sena. Se jkun qiegħed jopera mis-6:00 ta’ filgħodu sas-6:00 ta’ filgħaxija. Waqt l-ewwel tliet sigħat ta’ filgħodu, mis-6:00 sad-9:00 ta’ filgħodu, is-servizz se jintuża biex iwassal lill-utenti minn djarhom għall-post tax-xogħol jew l-Università u lura lejn id-dar waqt l-aħħar tliet sigħat, mit-3:00 ta’ waranofsinhar sas-6:00 ta’ filgħaxija. Fil-bqija tal-ħinijiet, jiġifieri mid-9:00 ta’ filgħodu sat-3:00 ta’ waranofsinhar, is-servizz se jkun qiegħed jiġi offrut on demand.
Dawk li huma interessati jistgħu jċemplu lill-Kunsill Lokali tal-Pietà fuq 99898022.