Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg jinsab fuq żjara uffiċjali f’Dubai fejn qed jattendi l-Global Investment in Aviation Summit. Din l-attività tlaqqa’ diversi stakeholders, operaturi u mexxejja fis-settur tal-avjazzjoni bl-interess li tinħoloq diskussjoni dwar l-istat preżenti u dak futur ta’ din l-industrija u favur aktar investiment.
Il-Ministru Borg tkellem dwar is-suċċess li dan is-settur qed jagħmel f’pajjiżna, filwaqt li tenna l-appoġġ tal-gvern għal din l-industrija. Saħaq dwar l-importanza tas-sostenibbiltà u l-ħtieġa li s-settur jimmira għal standards konformi mal-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea għall-ambjent.
“Jeħtieġ li l-gvernijiet jinċentivaw l-użu ta’ fuels aktar nodfa bħalma sar favur enerġija alternattiva f’setturi oħra. Irridu naraw aktar infrastruttura adekwata fl-ajruporti. Kull minuta tgħodd u kull persuna hi importanti. Għalhekk neħtieġu impenn globali favur aktar taħriġ għar-riżors uman biex naraw aktar tkabbir konsistenti u sostenibbli. Kburin li Malta dan kollu qed tħares lejh u timplimentah pass pass. Ejja nkomplu naħdmu flimkien għal futur pożittiv fl-avjazzjoni,” għalaq il-Ministru Ian Borg.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru kellu l-opportunità li jipparteċipa f’laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Ekonomija u ċ-Chairman tal-Awtorità Ġenerali għall-Avjazzjoni Ċivili tal-Emirati Għarab Magħquda.
Bħalissa fir-reġistru Malti għandna ’l fuq minn 400 ajruplan, filwaqt li għaddejjin diversi diskussjonijiet ma’ numru ta’ operaturi u ma’ kumpaniji tat-taħriġ interessati. Il-mira ta’ 460 ajruplan għall-2020 ġiet imħabbra mill-Ministru Ian Borg ftit tal-jiem ilu.
Ritratti: MTIP