Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, u ċ-Chairperson-in-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, Ian Borg, iltaqa’ mal-President tas-Serbja, Aleksandar Vučić, u uffiċjali oħra għoljin tal-Gvern fi żjara ta’ ġurnata f’Belgrad fis-Serbja stess.
Waqt din iż-żjara, hu ltaqa’ wkoll ma’ organizzazzjonijiet appoġġjati mill-missjoni tal-OSCE fis-Serbja, inklużi assoċjazzjonijiet tal-midja u tal-ġurnalisti, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u klinika tal-liġi ambjentali, li qed tipprovdi lill-istudenti tal-liġi anzjani b’taħriġ speċjalizzat dwar il-leġiżlazzjoni ambjentali.
Il-Ministru Borg żar ukoll drop-in shelter, li jgħin lil tfal u żgħażagħ, fejn dan l-istess ċentru jaħdem mal-missjoni tal-OSCE fuq programm ta’ edukazzjoni inklussiva għal tfal u żgħażagħ Roma, biex jgħinhom jibqgħu fl-edukazzjoni.
Il-Ministru Borg qal li din hi t-tieni żjara tiegħu bħala ċ-Chairperson tal-OSCE u l-ewwel waħda fost tliet pajjiżi oħrajn li se jkun qed iżur fil-jiem li ġejjin.
“Din hi t-tieni żjara tiegħi bħala Chairperson tal-OSCE, l-ewwel waħda kienet f’Kjiv, illum bdejt żjarat fis-Serbja, u l-awtoritajiet tal-Kosovo, u l-Moldova; tliet postijiet importanti, fejn fis-Serbja stajt niltaqa’ max-xogħol li qed tagħmel il-missjoni tal-OSCE.”
Hu saħaq ukoll li, wara li ntagħżlet biex tmexxi l-OSCE għall-ewwel darba lura f’Novembru tal-2023 u minn Jannar ta’ din is-sena bdiet it-12-il xahar Presidenza bit-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, Malta qiegħda minn ta’ quddiem biex iżżomm ir-reżiljenza u s-sigurtà fir-reġjun.
“Matul dawn il-laqgħat tennejna l-prijoritajiet tagħna għal din il-Presidenza li Malta qiegħda tassumi mingħajr ma kien mistenni, iżda b’impenn kbir fejn qed nagħfsu fuq ir-reżiljenza u qed nagħfsu fuq is-sigurtà għan-nies tar-reġjun kollu.”