Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, flimkien mal-Ministru għall-Affarjiet Barranin ta’ Spanja, Josè Manuel Albares Bueno, ospita lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Med9 f’Madrid, Spanja.
Flimkien iddiskutew is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-viċinat tan-Nofsinhar. Dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, il-Ministru Borg spjega kif hemm bżonn tiġi mbottata u attwata s-soluzzjoni taż-żewġ stati biex verament tkun żgurata s-sigurtà f’Iżrael u l-Palestina.
Żied jgħid li hu kruċjali li l-Unjoni Ewropea tikkordina serjament ma’ reġjuni oħrajn madwar id-dinja, fosthom l-Istati Uniti.
Il-Ministru Borg tkellem dwar ir-riżoluzzjoni ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li tindirizza l-għajnuna umanitarja. Fakkar kif mill-2016, din hi l-unika riżoluzzjoni approvata u stqarr li Malta se tibqa’ tinsisti favur id-djalogu u l-paċi.
Filwaqt li sostna l-pożizzjoni ta’ Malta, waqt id-diskussjoni dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Ministru Borg sostna l-pożizzjoni ta’ Malta u qal li ma tistax tirrenja l-paċi fid-dinja jekk ma jkunx hemm paċi u stabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran.
L-aħħar żviluppi mill-Unjoni Ewropea bi djalogu mat-Tuneżija u l-Eġittu huma pass importanti ’l quddiem fir-relazzjonijiet mal-Afrika ta’ Fuq.
Il-Ministru sostna kif il-Mediterran għandu jservi biex jinħoloq ċentru ta’ enerġija nadifa u nsista li l-pajjiżi Mediterranji għandhom jibqgħu jkomplu jħarsu lejn aktar opportunitajiet kbar ta’ kummerċ li jeżistu fir-reġjun.
Qal, “Komplejna nibnu anke fuq il-laqgħat li nżammew f’Malta matul is-sajf eventwalment bil-laqgħa tas-summit, immexxi mill-Prim Ministru Abela fix-xahar ta’ Settembru, imma qabel dik kellna mhux biss dawk relatati mal-affarjiet Ewropej li mexxejt jiena, imma kellek ukoll il-Ministri tal-Enerġija u l-Ministri tal-Ekonomija Diġitali.”
Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru Borg u dak Spanjol Albares Bueno, mexxew konferenza tal-aħbarijiet fejn spjegaw il-konklużjonijiet u l-punti saljenti ta’ dawn id-diskussjonijiet.