Il-Ministru Ian Borg kompla ż-żjara tiegħu f’Singapore fl-Awtorità għar-Rinovazzjoni Urbana (URA) fejn ġie milqugħ mid-Dekan tal-Akkademja tal-URA Seow Kah Ping. Il-Ministru Borg ingħata spjegazzjoni dwar l-użu tal-art u tal-istrateġiji tal-ippjanar ta’ Singapore.
Dr Borg żar ukoll l-Awtorità Marittima u tal-Portijiet ta’ Singapore.
Il-Ministru u l-Kap Eżekuttiv Quah Ley Hoon iddiskutew diversi affarijiet fir-rigward tat-tisħiħ tal-koperazzjoni kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Waqt din il-laqgħa l-Ministru dar is-sistema tal-monitoraġġ tat-traffiku marittimu. Id-diskussjonijiet ikkonċentraw fuq ir-regolamenti tal-bunkering f’Singapore.
Intlaħaq ftehim li Malta u Singapore se jagħtu appoġġ lil xulxin fl-elezzjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali li se ssir f’Novembru.
L-Akkademja tal-Avjazzjoni ta’ Singapore kienet il-waqfa li jmiss għall-Ministru Borg. Id-delegazzjoni Maltija ntlaqgħet mid-Direttur Dr Michael Lim u daret l-Aerodrome Simulator filwaqt li ngħatat informazzjoni dwar l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Singapore (CAAS).
Iż-żjara ta’ Dr Borg f’Singapore intemmet fis-Singapore Mobility Gallery fl-Awtorità tat-Trasport fl-Art ta’ Singapore.
Id-Deputat Direttur għall-Operazzjoni ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti Soh Ling Tim laqgħet lid-delegazzjoni u tat preżentazzjoni dettaljata dwar l-Operazzjoni tas-Sistemi tat-Trasport f’Singapore, inklużi trasport fit-toroq, trasport pubbliku, l-immaniġġjar tal-mini, sistema ta’ gwida għall-parkeġġ, l-immaniġġjar tal-inċidenti u sfidi oħrajn relatati mat-traffiku.
Il-Ministru Borg kien akkumpanjat miċ-Chief of Staff tal-Ministeru Julian Tabone, is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar, iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta Joseph Bugeja, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta l-Inġ. Fredrick Azzopardi, id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili l-Kaptan Charles Pace u r-Reġistratur Ġenerali tat-Tbaħħir u l-Baħħara Ivan Sammut.