“It-tfal posthom l-iskola u mhux jiġġieldu fil-gwerer u l-kunflitti”.
Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, waqt li kien qed jiftaħ konferenza internazzjonali dwar it-tfal li jkunu parti minn kunflitti u gwerer.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg sostna kif l-impunità mhix għażla u hemm bżonn li dawk responsabbli minn dawn ir-reati jiffaċċjaw il-ġustizzja.
Huwa tkellem ukoll dwar din il-prijorità tal-politika barranija Maltija li hija wkoll punt essenzjali fil-ħidma li qed jagħmel pajjiżna fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fid-dawl ta’ din il-konferenza, il-Ministru Borg kellu laqgħa bilaterali mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għat-Tfal fil-Kunflitti, is-Sinjura Virginia Gamba. Matul din il-laqgħa komplew jiġu diskussi l-prijoritajiet ta’ Malta dwar dan is-suġġett u kif matul dan iż-żmien importanti li Malti qiegħda fuq il-kunsill, bħala pajjiż, se nkunu qed nagħmlu l-isforzi kollha sabiex is-suġġett jibqa’ jkun wieħed fuq nett tal-aġenda internazzjonali.
Il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mal-Kap Eżekuttiv ta’ Geneva Call Alain Délétroz u l-Kap Eżekuttiv ta’ Action Against Hunger Jean-François Riffaud.
Il-Ministru Ian Borg ipparteċipa wkoll fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali bi preparazzjoni għall-Kunsill Ewropew, li se jsir bejn għada u l-Ġimgħa, li għalih se jattendi l-Prim Ministru Robert Abela.