Il-Gvern qed iħares li jixpruna metodi innovattivi fil-qasam tal-ippjanar u l-bini.
Sostna dan il-Ministru Ian Borg waqt it-tielet edizzjoni tal-Malta Architectural and Spatial Planning conference.
Din il-konferenza mtella’ mill-Awtorità tal-Ippjanar kull sena’ tlaqqa’ mijiet ta’ periti taħt saqaf wieħed bit-tema ta’ din is-sena tkun dik li jinstabu metodi innovattivi fil-qasam tal-Ippjanar u l-bini li jiżguraw ambjent aħjar u iżjed sostenibbli.
Il-Ministru saħaq li pajjiżna diġà qed iħaddan l-innovazzjoni f’ħafna oqsma permezz tal-blockchain u l-IOT fost l-oħrajn u għaldaqstant dan irid ikun replikat fil-qasam tal-ippjanar.
Dan għax l-innovazzjoni mhux biss ittejjeb il-kwalità tal-ħajja iżda tipproteġi l-patrimonju li bih hu mogħni pajjiżna.
Filwaqt li rrikonoxxa li d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar se jibqgħu iqajmu diskussjoni, il-Ministru Borg semma’ l-bżonn ta’ aġġornar ta’ diversi policies tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Ministru Borg sostna: “Irridu niżguraw li dawk id-deċiżjonijiet ikunu deċiżjonijiet infurmati, deċiżjonijiet deċiżi fuq policies tajbin u ċari u allura qed naħdmu f’dak ir-rigward ukoll u anke il-qafas leġislattiv ma’ dik li għandu x’jaqsam ma’ strutturi u ppjanar.”
Semma wkoll ir-riforma li bdiet issir fil-qasam tal-bini permezz tal-Aġenzija l-ġdida tal-bini u l-kostruzzjoni li hi l-ewwel pass fit-tnedija ta’ awtorità kompetenti u importanti li tiġbor il-liġijiet kollha tal-qasam tal-kostruzzjoni.
Qal li din se fost l-oħrajn se tara li proġetti ta’ kostruzzjoni li jitwettqu ma jkunux ta’ dannu fuq il-proprjetà ta’ terzi.
Hekk kif iċ-ċokon ta’ pajjiżna joħloq sfidi pjuttost uniċi għall-ippjanar u l-bini f’pajjiżna, il-Ministru stieden anke lill-periti biex ikunu kreattivi fid-disinji tagħhom bi jiġi mmassimizzat il-potenzjal ta’ kull sit.
“Nimmassimizzaw elementi naturali bħad-dawl illi mhux dejjem huwa possibli minħabba drittijiet li wieħed ikun akkwista fil-viċinanzi imma fl-istess ħin aktar ma jmur, aktar ħa nsibu soluzzjonijiet innovattivi permezz ta’ għodod ġodda biex dan ikun jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja”, temm jgħid il-Ministru Borg.