Il-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, laqa’ 38 inġiniera fil-ministeru sabiex jippreżentalhom il-warrants.
Il-Ministru Borg saħaq fuq l-importanza tal-professjoni tagħhom u kif il-progress f’pajjiżna qed joħloq domanda akbar għall-inġiniera. Hekk kif l-industrija qed tevolvi ruħha, Borg emfasizza dwar l-importanza tat-taħriġ edukattiv fl-inġinerija u fl-istess ħin esprima t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li n-numru ta’ individwi li jagħżlu dan il-kors qed jonqos.
Stqarr li l-ispeċjalizzazzjoni f’dan il-qasam huwa kruċjali u kif il-professjoni tagħhom tagħti serħan ta’ moħħ lis-soċjetà hekk kif dan ix-xogħol imiss ma’ kull aspett tal-ħajja.
Il-Ministru wera s-sodisfazzjon tiegħu bil-ħidma ta’ dawn l-inġiniera favur il-green economy filwaqt li awgura u faħħar lil dawk kollha preżenti għad-determinazzjoni tagħhom.