Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg ippreżenta l-prijoritajiet ta’ Malta għall-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, waqt diskors li għamel fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-Kunsill tal-Ewropa, fi Strasburgu.
Il-Ministru Borg sostna kif l-OSCE u anke l-Kunsill tal-Ewropa huma raġġ ta’ dawl f’dan iż-żmien diffiċli li għaddejja minnhom id-dinja. Hawnhekk saħaq li Malta hi kommessa li tħares u tiżgura l-prinċipji u l-valuri mniżżlin fl-Att Finali ta’ Helsinki u l-Karta ta’ Pariġi.
Sostna li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom bosta miri komuni, fosthom li jkun hemm sigurtà u stabbiltà fir-reġjun ibbażati fuq il-valuri tad-drittijiet umani, id-demokrazija u anke s-saltna tad-dritt.
Il-Ministru Ian Borg sostna wkoll dwar il-bżonn ta’ aktar kollaborazzjoni bejn l-OSCE u l-Kunsill tal-Ewropa. Dan fid-dawl li Malta qed tħejji għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa bejn Mejju u Novembru tas-sena d-dieħla.
“Iltqajt mas-Segretarju Ġenerali u kif ukoll iltqajt mal-Ambaxxaturi kollha membri ta’ din l-organizazzjoni ta’ dan il-kunsill, li Malta s-sena d-dieħla se tkun qegħda tippresiedi. Ġejt hawnhekk mhux bħala Ministru, iżda fuq kollox bħala Chairperson-in-Office tal-OSCE u spjegajt kif il-prijoritajiet tagħna huma viċin ħafna ta’ din l-organizzazzjoni u kif nistgħu naħdmu flimkien.”