Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ilbieraħ laqa’ lill-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sigurtà fit-Toroq Jean Todt il-Ministeru fejn iddiskutew diversi suġġetti b’mod partikolari s-sigurtà fit-toroq.
Il-Ministru tenna l-importanza li nkomplu nqajmu kuxjenza dwar dan is-suġġett. F’dan ir-rigward Ian Borg faħħar lill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq tal-ħidma siewja li jagħmel u qal li hu se jkompli jappoġġja l-isforzi tiegħu kif ukoll dawk li jsiru mis-settur privat li jippromwovu mġiba aktar sigura fit-toroq.
Il-Ministru semma wkoll id-diversi kampanji edukattivi li tmexxi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta u għamel enfasi fuq l-importanza li l-poplu u dawk kollha li jżuruna jikkollaboraw huma wkoll b’imġiba aktar sigura meta jużaw it-toroq tagħna.
Il-Ministru Borg saħaq dwar l-importanza l-ħidma għal toroq aktar siguri ma tieqaf qatt, anke fir-rigward tal-infrastruttura li qed tiġi mtejba f’pajjiżna.