Il-Ministru għal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Malti, Ian Borg, kellu laqgħa mas-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, f’Washington it-Tlieta.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qalet li Borg u Blinken iddiskutew u qablu li l-eskalazzjoni fil-gwerra fil-Lvant Nofsani mhu se tgħin lil ħadd u t-tnejn sejħu għal soluzzjonijiet effettivi u fit-tul għal riżoluzzjoni paċifika fir-reġjun.
“L-aħħar laqgħa, proprju fil-belt kapitali tal-Istati Uniti tal-Amerka, kienet ma’ kollega, is-Segretarju tal-Istat is-Sur Antony Blinken. Flimkien miegħu ddiskutejt l-isfidi li għandna bħalissa quddiema r-reġjun tal-Mediterran, il-Lvant Nofsani, il-Gwerra fl-Ukrajna u, għaldaqstant, huma temi li se jkunu ukoll dibattitu fil-Kunsill tas-Sigurtà proprju matul dan ix-xahar meta Malta għandha l-Presidenza tagħha.”
F’Washington, il-Ministru Borg, li attwalment hu wkoll iċ-Chairperson-in Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, kellu wkoll laqgħat mal-membru tal-Kungress Amerikan William Keating, li jifforma parti mill-Kumitat tal-Kamra għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat għall-Affarijiet Barranin dwar l-Ewropa.
Iltaqa’ wkoll mal-Ambaxxatur Michael Carpenter, Direttur tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali għall-Ewropa u eks Ambaxxatur Amerikan għall-OSCE.
Fir-rwol tiegħu fit-tmexxija tal-OSCE, il-Ministru indirizza wkoll żewġ laqgħat pubbliċi.
It-Tnejn hu ngħaqad mal-Ambaxxatur David T. Johnson, ukoll eks Ambaxxatur Amerikan għall-OSCE, f’taħdita organizzata mill-Wilson Center, l-organizzazzjoni mhux governattiv imqabbda mill-Kungress Amerikan għal pariri mhux partiġġani u għarfien dwar affarijiet globali.
It-Tlieta, imbagħad, kellu smigħ formali mal-Kummissjoni ta’ Ħelsinki tal-Kungress Amerikan, ippreseduta miċ-Chairman Joe Wilson.