Fil-Kapitali Ukrena, Kyiv, fl-ewwel żjara tiegħu bħala Chairperson-in-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Malti Ian Borg kellu laqgħa mal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy.
Il-President Zelenskyy rringrazzja lil Malta tal-għajnuna li qed tagħti lill-Ukrajna u saħaq li l-ħbiberija ta’ bejn il-pajjiżi qed tissaħħaħ aktar minn qatt qabel bis-sapport attiv ta’ Malta fil-Ukraine Peace Formula.
Għar-rigward tal-ħidma tal-OSCE fl-Ukrajna, il-President Zelenskyy talab l-għajnuna tal-Ministru Borg bħala Chairperson-in-Office biex jiġu lokalizzati ċittadini detenuti fir-Russja, b’mod partikolari tfal Ukreni.
“Din l-ewwel żjara tiegħi, bħala Chairperson-in-Office, tenfasizza l-impenn determinat tagħna li, bħala OSCE u anke bħala Malta, il-kawża Ukrena tinżamm prijorità fuq l-aġenda internazzjonali,” stqarr il-Ministru Borg.
Borg żar ukoll il-villaġġi Ukreni ta’ Borodyanka, Bucha u Gostomel, fejn flimkien mal-komunitajiet t’hemmhekk osserva l-effetti tal-aggressjoni Russa.
Bħala parti minn din iż-żjara inawgurali fl-Ukrajna, il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren, Dmytro Kuleba, fejn komplew jiddiskutu aktar fid-dettal il-ħidma mwettqa permezz tal-programm tal-OSCE għall-Ukrajna u fuq liema prijoritajiet l-awtoritajiet Ukreni jixtiequ li l-uffiċjali ta’ dan il-programm jiffokaw aktar biex ikun ta’ assistenza akbar għall-Ukrajna anke fir-riformi li għandhom ippjanati għal futur.
Akkumpanjat mill-Ambaxxatur Marcel Peško, Rappreżentant Speċjali taċ-Chairperson-in-Office fl-Ukrajna, il-Ministru Borg kellu wkoll l-opportunità li jingħata preżentazzjoni tax-xogħol li qed jagħmlu l-uffiċjali tal-OSCE fl-Ukrajna u esprima l-apprezzament tiegħu għad-dedikazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali.