Waqt waqfa f’Varsavja, fil-Polonja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin il-ġdid tal-Polonja, Radosław Sikorski.
Matul din il-laqgħa, iż-żewġ delegazzjonijiet komplew jikkonfermaw il-ħsibijiet simili tagħhom dwar numru ta’ temi b’mod partikolari u l-aktar ta’ prijorità tkun dik għall-waqfien tal-invażjoni tal-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna. Il-Ministru Ian Borg, anke bħala Chairperson-in-Office tal-OSCE, tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm aktar kooperazzjoni mill-istati parteċipi f’din l-organizzazzjoni biex jibqgħu jagħmlu l-isforzi kollha sabiex ir-Russja twaqqaf dan l-attakk bla preċedent.
“Minkejja dawn l-isfidi, nemmnu li l-OSCE tista’ tilgħab rwol importanti ferm fl-isforzi diplomatiċi,” sostna l-Ministru Borg. Hawnhekk il-Ministru Sikorski reġa’ tenna l-appoġġ tagħhom għall-irwol ta’ Malta bħala Chairperson-In-Office ta’ din l-organizzazzjoni importanti.
Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi kienu wkoll ta’ importanza fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa. Iż-żewġ pajjiżi għal darba oħra kkonfermaw mill-ġdid ir-rieda tagħhom sabiex jibqgħu jiddjalogaw flimkien għat-tisħiħ tar-relazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir tal-kummerċ u n-negozju bejn Malta u l-Polonja fl-aħħar snin fl-oqsma tat-turiżmu u anke l-edukazzjoni.
Matul din il-laqgħa kienu diskussi wkoll numru ta’ temi oħra, fosthom kollaborazzjonijiet kulturali u edukattivi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-immigrazzjoni, tensjonijiet fir-reġjun u t-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea.
F’Varsavja, il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mad-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan l-OSCE Matteo Meccaci fejn kienu diskussi temi importanti biex ikompli jissaħħaħ l-irwol importanti ta’ dan id-direttorat.