“Malta se tkun qed tintensifika l-ħidma tagħha sabiex tipprovdi aktar boroż ta’ studju għal taħriġ fl-oqsma tad-diplomazija diġitali u l-governanza. Se nkunu wkoll qed inkomplu nappoġġaw taħriġ ta’leadershipfid-diplomazija diġitali kif għamilna din is-sena fin-Namibja u l-Rwanda.”
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg, waqt li kien qed jindirizza s-summit dwar id-diplomazija diġitali u l-governanza, li qed jittella’ f’pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Ian Borg iddeskriva l-ħidma tad-DiploFoundation matul l-aħħar 20 sena bħala notevoli u li permezz tagħha bosta pajjiżi madwar id-dinja ġew megħjuna biex jiżviluppaw id-diplomazija diġitali u r-rappreżentanza tagħhom f’negozjati diġitali.
Huwa fakkar kif id-DiploFoundation f’dawn l-aħħar snin irnexxielha jkollha aktar minn 7,000 alumni minn aktar minn 200 pajjiż u territorju, statistiċi li juru s-suċċess b’saħħtu fit-tagħlim li sar matul l-aħħar snin.
Il-Ministru qal li huwa importanti li fid-dinja diġitali li qed ngħixu llum, anke fejn jidħlu suġġetti tradizzjonali bħas-saħħa u l-għajnuna umanitarja, niddiskutu l-impatt diġitali. Fost oħrajn ukoll l-importanza tal-impatt tad-data u l-intelliġenza artifiċjali fuq regolamentazzjoni ġdida tal-Unjoni Ewropea u tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Il-Ministru Ian Borg irringrazzja lill-Gvern tal-Iżvizzera tal-impenn tiegħu wkoll għall-iżvilupp ta’ din il-fondazzjoni. Huwa saħaq li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi se tkompli tamplifika fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sentejn li ġejjin.