Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg jinsab fil-Greċja fejn qed jattendi għall-esibizzjoni internazzjonali tat-tbaħħir, Posidonia. Posidonia, li ttellgħet għall-ewwel darba fl-1969, ilha żmien twil stabbilita bħala waħda mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju tal-industrija tat-tbaħħir u tittellgħa fuq skeda biennali. L-esibizzjoni sservi ta’ pjattaforma li tesponi sidien tal-bastimenti minn madwar id-dinja għall-aktar żviluppi riċenti fl-industrija tat-tbaħħir u tagħtihom aċċess dirett għal dak kollu disponibbli fis-suq globali tat-tbaħħir. Posidonia tiġi organizzata mill-Ministeru Grieg għall-Affarijiet Marittimi u l-Politika Insulari, il-Union of Greek Ship owners u l-Hellenic Chamber of Shipping bl-appoġġ tal-Muniċipalità ta’ Piraeus u tal-Greek Shipping Cooperation Committee.
Ir-relazzjonijiet marittimi bejn Malta u l-Greċja minn dejjem kienu b’saħħithom kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat. Hu stmat li madwar 40% tat-tunellaġġ totali reġistrat f’Malta hu kkontrollat minn kumpaniji Griegi, bil-bandiera Maltija l-aktar bandiera barranija preferuta fil-Greċja – il-pajjiż bl-akbar numru ta’ sidien tal-bastimenti madwar id-dinja. L-amministrazzjonijiet marittimi Griegi u Maltin jikkoperaw bis-sħiħ kemm f’fora reġjonali kif ukoll f’dawk internazzjonali u din il-koperazzjoni tidher biċ-ċar ukoll f’laqgħat bilaterali li jittellgħu fuq trilivell governattiv u f’laqgħat tripartitiċi li jittellgħu bejn il-Greċja, Ċipru u Malta.
Il-Ministru rringrazzja lill-Union of Greek Ship Owners (UGS) għall-appoġġ tagħhom fit-tkomplija tal-iżvilupp tar-Reġistru Malti bħala wieħed mir-reġistri mexxejja fid-dinja b’reputazzjoni tajba, liema żvilupp kien biss possibbli grazzi għall-impenn u għall-appoġġ li jingħata mis-sidien tal-bastimenti u tal-operaturi li għandhom bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija. Tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni koperattiva ma’ UGS fl-iżvilupp ta’ politika u ta’ standards ġodda li jirregolaw l-industrija tat-tbaħħir kemm fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali. Il-Ministru Borg żied li l-appoġġ u l-opinjoni ta’ UGS huma ta’ valur kbir għal pajjiżna u jgħinu biex niżguraw li l-pożizzjoni ta’ Malta fil-fora relevanti tikkunsidra l-pożizzjoni tal-industrija. Tenna wkoll l-impenn ta’ Malta li tkompli tikkontribwixxi b’mod attiv fid-diskussjonijiet tal-IMO li jwasslu għal aktar titjib fl-industrija.
Il-Ministru Borg irrefera għad-deċiżjoni riċenti mill-Kummissjoni Ewropea dwar it-taxxa tat-tunellaġġ Maltija u qal li Malta tilqa’ din id-deċiżjoni li ġiet riflessa fil-liġi Maltija. Spjega li r-riżultat ta’ din id-deċiżjoni jiżgura li l-interessi tal-industrija jiġu protetti.