Waqt il-Kunsill tat-Trasport li ttella’ fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Ġunju taħt il-Presidenza Bulgara, numru kbir ta’ proposti leġislattivi ġew diskussi mill-Ministri għat-Trasport. Filwaqt li fir-rigward ta’ uħud minn dawn il-proposti ntlaħaq ftehim suffiċjenti biex wassal għal adozzjoni ta’ approċċ ġenerali, oħrajn se jirrikjedu aktar diskussjonijiet fi gruppi ta’ ħidma, u fil-każ ta’ dawn, il-Ministri ngħataw rapport tal-progress.
Dwar id-dossier tat-trasport bl-ajru, li jirrigwardja l-proposta għal regolament fuq is-salvagwardja tal-kompetittività fit-trasport bl-ajru, il-Ministru Borg esprima l-appoġġ ta’ Malta għall-approċċ ġenerali li qiegħed jittieħed u laqa’ l-progress li sar, partikolarment fir-rigward tal-esklużjoni espliċita tad-drittijiet tat-traffiku bħala miżuri possibbli b’lura. Huwa saħaq dwar l-importanza tas-salvagwardja ta’ din l-esklużjoni waqt id-diskjussjonijiet ta’ trilogu li ġejjin mal-Parlament Ewropew. Huwa kompla jisħaq dwar l-importanza li jiġu rispettati l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru meta tiġi implimentata l-leġislazzjoni. Fir-rigward tal-proposta għall-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija, il-Ministru enfasizza li t-test preżenti jeħtieġ li jittejjeb u jsir konformi mal-konvenzjonijiet marittimi internazzjonali, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ ħsara fl-industrija marittima li jistgħu jkollhom effett fuq l-ekonomija Maltija.
Il-Kunsill tal-Ministri ddiskuta wkoll numru ta’ proposti ġodda regolatorji fl-ewwel grupp ta’ dak imsejjaħ ‘Pakkett ta’ Mobbiltà’. Malta appoġġjat l-adozzjoni ta’ approċċ ġenerali fuq id-direttiva proposta dwar l-interoperabbiltà ta’ sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq li, meta tiġi implimentata, se żżid l-armonizzazzjoni tas-sistemi dwar taxxi tat-toroq fl-Ewropa u tnaqqas il-burokrazija li bħalissa qiegħda tiġi esperjenzata minn trasportaturi stradali Maltin meta jużaw taxxi tat-toroq differenti f’pajjiżi differenti fl-UE.
Waqt id-dibattitu dwar partijiet oħra tal-‘Pakkett ta’ Mobbiltà’, li ta’ spiss kien wieħed sħun, kienet ċara li kien hemm differenzi maġġuri fl-opinjoni bejn l-Istati Membri dwar aspetti differenti tal-proposti li qegħdin jiġu mressqa sabiex jirregolaw aħjar trasportaturi stradali internazzjonali.
Dwar il-proposta li tikkonċerna l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr xufiera, diversi Stati Membri ħassu li kien kmieni wisq sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-approċċ ġenerali propost, u ġie konkluż li għad jonqos aktar ħidma. Evidentament, kien nieqes il-kunsens bejn l-Istati Membri dwar proposti relatati mal-aċċess għall-impjieg u għas-suq, mal-kollokament ta’ ħaddiema tat-trasport, restrizzjonijiet fuq il-kabotaġġ, u l-projbizzjoni proposta tas-sewwieqa li jorqdu fil-kabini tat-trakkijiet tagħhom matul il-lejl.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Borg irringrazzja lill-Presidenza tal-ħidma tagħha fuq dan il-pakkett kumpless u diffiċli, u għaraf l-isfidi kbar li jinsabu fit-triq ’il quddiem sabiex jintlaħaq ftehim ġenerali. Il-Ministru Borg esprima t-tħassib partikolari ta’ Malta relatat mal-proposti preżenti li jfittxu li jżidu r-restrizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet tal-kabotaġġ. Huwa nnota l-fatt li pajjiżi fuq il-periferija ta’ swieq Ewropej, bħal Malta, diġà għandhom żvantaġġ kompettitiv, u jekk ikun hemm aktar restrizzjonijiet imposti fuq operazzjonijiet tal-kabotaġġ, dawn ikollhom riperkussjonijiet ekonomiċi serji għal dawn il-pajjiżi. Dwar il-pilastru soċjali, il-Ministru tenna l-bżonn għal aktar postijiet ta’ parkeġġ sikuri u protetti għat-trakkijiet f’postijiet adattati madwar l-Ewropa, sabiex jagħtu l-opportunità lis-sewwieqa tat-trakkijiet biex jistrieħu b’mod komdu waqt il-vjaġġi tagħhom. Il-Ministru ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippruvaw isibu kunsens fuq dawn l-aspetti tal-proposti leġislattivi.