Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg kien fi Brussell sabiex jattendi l-Kunsill Ministerjali dwar it-Trasport fejn ġew diskussi l-kundizzjonijiet ġodda għall-fondi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-perjodu 2021-2027 u r-reviżjoni tar-regoli komuni għall-operaturi tat-trasport fuq l-art.
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa hija importanti ħafna għar-realizzazzjoni tal-investiment fit-trasport, l-enerġija u l-infrastruttura diġitali. Il-Ministru Borg qal li Malta tappoġġja b’mod sħiħ il-programm rivedut għall-perjodu 2021-2027, u li n-negozjati mal-Parlament Ewropew għandhom jibdew malajr kemm jista’ jkun. Waqt in-negozjati tal-Kunsill dwar is-CEF, ġew assigurati wkoll proviżjonijiet speċifiċi għal stati membri bħal Malta, Ċipru u l-Irlanda biex jiżguraw li stati membri insulari u periferali jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-perjodu li ġej.
Flimkien ma’ dan, il-ministri għat-trasport iddiskutew ukoll numru ta’ proposti leġiżlattivi, primarjament relatati mal-adattament ta’ regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport stradali tal-merkanzija, ir-reviżjoni ta’ regoli komuni li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li għandhom jinżammu meta wieħed jidħol fix-xogħol ta’ operatur tat-trasport stradali, dwar ir-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan massimi ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, pawżi minimi, u perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, fost leġiżlazzjonijiet oħra.
Il-Ministru semma’ speċifikament kif Malta tagħraf b’mod sħiħ l-irwol importanti li t-trasport tal-merkanzija u l-loġistika għandhom fit-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u li huwa essenzjali li jiġi żgurat li tintlaħaq il-funzjoni sħiħa tas-suq tal-merkanzija stradali. Il-kompromess għandu jiżgura t-tkabbir tas-settur u jikkontribwixxi għal aktar sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali. Madanakollu, il-Ministru Borg qal li dan il-kompromess m’għandux jaffettwa b’mod ħażin il-kompetittività ġusta u l-kreazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport stradali tal-merkanzija. Dwar dan, Malta sostniet il-pożizzjoni tagħha sal-aħħar, u saħqet li dawn ir-regoli m’għandhomx joħolqu diskriminazzjoni jew żvantaġġ kontra operaturi tat-trasport stradali li huma stabbiliti fi stati membri żgħar u insulari b’ekonomiji ta’ skala żgħira bħal Malta.
Ritratt: MTIP