Il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, kompla biż-żjarat tiegħu fl-Afrika, din id-darba fir-Rwanda, fejn żar żewġ negozji Maltin li komplew jespandu u jkabbru l-operat tagħhom hemmhekk bl-appoġġ tal-aġenzija Trade Malta.
Il-Ministru Borg iltaqa’ ma’ diversi ħaddiema tal-kumpanija Salvo Grima, li tispeċjalizza fis-settur tal-loġistika u d-distribuzzjoni. Il-General Manager, Clyde Micallef, qal li l-kumpnija timpjega iktar minn mitt ruħ.
Il-Ministru Borg żar ukoll il-kumpanija Trust Stamp, li topera fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali. Il-Kap tat-Teknoloġija, Scott Francis, qal li huwa onorat li ta’ kuljum jikkollaboraw ma’ Malta biex joħorġu b’dawn is-servizzi innovattivi.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Borg qal li l-ħidma tal-Gvern se tkompli biex tassigura li negozji bbażati f’Malta jespandu lil hinn minn xtutna.
Il-Ministru Borg iltaqa wkoll mal-Kap Eżekuttiv tal-akbar bank kummerċjali fir-Rwanda, il-Bank of Kigali, Diane Karusisi. Huma ddiskutew il-possibilità li aktar negozji Maltin jespandu f’dan il-pajjiż tant importanti fil-qalba tal-kontinent tal-Afrika.