Illum il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Dr Ian Borg żar is-sit fejn għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ Triq Reġjonali hekk kif Infrastructure Malta bdiet fażi oħra tal-bini mill-ġdid tal-pont li permezz tiegħu din it-triq taqsam fuq Triq il-Wied tal-Imsida. Il-bini mill-ġdid tal-pont jifforma parti mill-proġett ta’ bini mill-ġdid u twessigħ ta’ Triq Reġjonali li tifforma parti mir-rotta ewlenija mit-Tramuntana għan-Nofsinhar tal-pajjiż.
“Dan huwa żvilupp ieħor importanti f’dan il-proġett li se jagħmel differenza fl-andament tat-traffiku u b’mod speċjali fis-sigurtà għal ħafna sewwieqa li jagħmlu użu minn din l-arterja prinċipali li tkompli tgħaqqad rotta importanti min-naħa ta’ fuq san-naħa ta’ isfel tal-pajjiż,” qal l-Onor. Ian Borg.
Huwa spjega kif wara li fix-xhur li għaddew twaqqgħet parti mill-pont eżistenti u nbnew ħitan ħoxnin ġodda tal-ġnub tal-istruttura, issa bdew jitpoġġew l-ewwel travi li se jiffurmaw il-gverta ġdida tal-pont. F’operazzjoni li bdiet fl-erbgħa ta’ dalgħodu, l-ewwel ħames travi tal-pont inġarru mill-impjant fejn ġew manifatturati lejn is-sit tal-proġett fl-Imsida. Hawnhekk it-travi tpoġġew mill-ewwel f’posthom fuq il-ħitan ġodda tal-ġnub tal-pont.
Kull travu tal-konkos u ħadid li qed jintuża f’din l-istruttura ġdida huwa twil 20 metru u jiżen 24 tunnellata. Meta l-pont kollu jkun inbena mill-ġdid, se jkun wieħed mill-iżjed strutturi wisgħin tax-xorta tiegħu f’Malta, b’wisgħa ta’ aktar minn 23.5 metri.
Issa li l-elementi prinċipali tal-ewwel parti tal-pont il-ġdid jinsabu fil-post, Infrastructure Malta ser tkompli tibni l-gverta billi tiksi t-travi bil-konkos qabel ma jsiru s-saffi ta’ materjali ta’ pedament u asfalt biex jiġu iffurmati l-ewwel korsiji. Taħt dawn is-saffi ta’ wiċċ it-triq, il-gverta se tinkesa wkoll b’saff ta’ membrane apposta li jipproteġi l-istruttura mill-influss tal-ilma tax-xita.
B’hekk, il-pont ikun jista’ jservi aktar fit-tul, b’inqas riskju ta’ ħsarat matul is-snin.
“Permezz tal-proġett ta’ Triq Reġjonali, qed titwessa’ parti minn din it-triq bejn Santa Venera u l-mini tal-Qroqq għal sitt korsiji filwaqt li qed jinbnew b’disinn ġdid seba’ junctions ewlenin li jmissu magħha, favur aktar effiċjenza u aktar sigurtà. L-għan tagħna huwa li filwaqt li nnaqsu l-ħin tal-ivvjaġġar, naħdmu wkoll biex inkomplu nżidu s-sigurtà fuq it-toroq tagħna. Il-pont li qed naraw jinbena mill-ġdid illum kien sar fis-snin sebgħin. Illum qed naraw li jingħaqad mad-disinn aktar sikur u qed naraw li jkun wiesa’ biżżejjed għas-sitt korsiji ġodda ta’ din it-triq. Qed naqsmu x-xogħol f’fażijiet biex ma ntellfux it-traffiku u ma noħolqux xkiel għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi. Fix-xhur li għaddew lestejna l-maġġoranza taż-żewġ korsiji ġodda li se jiżdiedu maż-żewġ ġnubijiet ta’ din il-parti ta’ Triq Reġjonali, li bejniethom iġibu 1.1 kilometri,” qal l-Onor. Ian Borg.
Fil-karreġġjata tat-Tramuntana, il-korsija l-ġdida se tipprovdi aċċess aktar sikur mis-slip roads li jgħaqqdu Triq il-Wied tal-Imsida, Triq il-Ferrovija l-Antika f’Birkirkara u Triq Kappillan Mifsud f’Santa Venera ma’ Triq Reġjonali u se ttejjeb ukoll il-konnessjoni mas-slip road li tagħti għal Triq Dun Karm Psaila (il-Bypass ta’ Birkirkara). Fil-karreġġjata tan-Nofsinhar, il-korsija l-ġdida se ttejjeb l-andament tal-vetturi li jkunu ġejjin mis-slip road li tgħaqqad il-Bypass ta’ Birkirkara u r-roundabout f’Tal-Qroqq ma’ Triq Reġjonali filwaqt li se tipprovdi aċċess aktar sikur għall-ħruġ minn Triq Reġjonali lejn Triq il-Ferrovija l-Antika u Triq Kappillan Mifsud, iż-żewġ toroq li jiltaqgħu ħdejn ir-roundabout li hemm bejn Birkirkara u Santa Venera.
“Nemmen bis-sħiħ li dan huwa proġett ieħor importanti għan-nies, importanti għas-settur tat-trasport. Illum għandna Gvern li qiegħed jaħdem b’mod ħolistiku, li qabad jaħdem fuq it-titjib ta’ rotta li tibda minn Triq il-Kosta, tkompli bil-Kappara Junction, u mbagħad għandek din l-arterja importanti li qed naħdmu fuqha bħalissa u li se tingħaqad mal-ħidma li wettaqna fuq il-Marsa-Ħamrun Bypass u dak li għaddej fil-Marsa Junction biex nagħlqu bil-mini ta’ Santa Luċija. Dan huwa Gvern li għandu viżjoni ħolistika, Gvern li jara kif is-suċċess jinqasam man-nies b’kull mod possibbli, inkluż permezz ta’ dawn l-investimenti infrastrutturali li jwasslu għal diversi benefiċċji kemm ekonomiċi kif ukoll fejn tidħol kwalità tal-ħajja tan-nies,” għalaq il-Ministru Ian Borg.
Bħala miżura ta’ sigurtà illum sal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar tinsab magħluqa biss il-parti ta’ Triq il-Wied tal-Imsida li tgħaddi minn taħt il-pont innifsu fejn qed isir it-tqegħid tat-travi ġodda.