Fil-ġimgħa ddedikata lill-Commonwealth, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, mexxa l-64 laqgħa tal-Grupp Ministerjali tal-Commonwealth f’Londra.
Matul din il-laqgħa, ġew diskussi numru ta’ temi dwar it-triq ’il quddiem għal din l-organizzazzjoni, li tħaddan il-pajjiżi li kienu taħt il-ħakma Britannika.
Il-Ministru Borg tenna li Malta qed tħares ’il quddiem għal-Laqgħa Ġenerali tal-Kapijiet tal-Istat tal-Commonwealth, iċ-CHOGM, li se tkun qed issir fis-Samoa f’Ottubru ta’ din is-sena.
“Iddiskutejna numru ta’ temi. Il-Gabon, li bħalissa jinsab parzjalment sospiż, iż-Żimbabwe u anke dak li għaddej fil-Guayana kif ukoll żviluppi oħrajn, skont kif aġġornati mis-Segretarju Ġenerali l-Barunessa Scotland.”
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm numru ta’ ministri li huma parti mill-Commonwealth, flimkien mas-Segretarju Ġenerali Patricia Scotland.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru Borg attenda wkoll għaċ-ċelebrazzjoni tas-servizz tal-Commonwealth f’Westminster Abbey fejn hemmhekk kellu l-opportunità li jiltaqa’ mar-Reġina Camilla.
Il-ħidma tal-Ministru Borg kompliet b’numru ta’ laqgħat bilaterali importanti, li saru fl-aħħar xhur, fosthom laqgħa mas-Segretarju Ġenerali Patricia Scotland dwar il-ħidma li qed issir flimkien ma’ Malta biex tkompli tissaħħaħ din l-organizzazzjoni.
Il-Ministru ltaqa’ wkoll mas-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada, Rob Oliphant. Matul din il-laqgħa ġiet diskussa l-kollaborazzjoni multilaterali taż-żewġ pajjiżi fuq materji bħall-Ġnus Magħquda, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, u fuq kollox il-Commonwealth.