Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitalimexxa l-għaxar edizzjoni tal-konferenza tal-Group of Transport Ministers for the Western Mediterranean (GTMO 5+5), li saret b’mod virtwali u li fiha ġew diskussa pjanijiet għal aktar żviluppi fis-settur tat-trasport. Id-diskussjoni saret ma’ kelliema minn qafas Ewropew kif ukoll Afrikan.
Għal din is-sena Malta għażlet ‘Intejbu l-konnettività mal-pajjiżi Afrikani GTMO fi ħdan il-qafas Ewropew bħala t-tema għall-presidenza tagħna.
Il-konferenza GTMO 5+5 issir bil-għan li tippromwovi l-koperazzjoni fis-settur tat-trasport fil-Mediterran tal-Punent u tikkontribwixxi għas-sħubija Ewromediterranja. Grazzi għal CETMO, is-segretarjat tekniku tal-GTMO 5+5, dan tal-aħħar baqa’ attiv fil-programm tal-forum tat-trasport Euromed li jinvolvi l-pajjiżi tal-medda kollha.
Il-Ministru Ian Borg tenna li diskussjonijiet bħal dawn ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi barranin: “Il-konferenza ta’ din is-sena b’mod speċjali hija importanti ħafna minħabba l-fatt li l-pandemija tal-Covid-19 kienet ta’ xkiel għal bosta setturi fosthom it-trasport u għalhekk permezz ta’ djalogu matur u grazzi għal konferenzi bħall-GTMO 5+5, stajna npoġġu bilqiegħda u niddiskutu pjanijiet dwar kif dan is-settur jista’ jkompli jikber u jiżviluppa b’mod ħolistiku kemm fuq livell ta’ trasport tal-art, tal-baħar u anke tal-ajru”.
Waqt il-konferenza ġew diskussi ideat u pjanijiet dwar aktar konnettività u sostenibbiltà, anke bil-għan li jintlaħqu t-targets tal-UE u anke modi kif l-infrastruttura tista’ titjieb sabiex tiżdied is-sigurtà.
Ritratt: MTIP